Futbol Sport

Tottenham fil-kwarti tal-finali tal-FA Cup

Fernando Llorente jifraħ ma' Erik Lamela

Fernando Llorente skorja tripletta hekk kif Tottenham għaddew għall-kwarti tal-finali tal-FA Cup b’rebħa ta’ 6-1 fuq Rochdael f’replay li ntlagħbet f’Wembley Stadium u ma kinitx nieqsa mill-kontroversja tal-VAR.

Wara li Erik Lamela kien fetaħ l-iskor iżda kien imħassar kontroversjalment mill-VAR, Heung Min Son fetaħ l-iskor fit-23 minuta b’konklużjoni mill-kaxxa. Tottenham kienu ngħataw penalty permezz tal-VAR, iżda l-penalty li kien skorjat minn Son kien imħassar mir-referee Paul Tierney minħabba li ġie ġġudikat li waqqaf il-ġirja.

Stephen Humphrys ġab id-draw għal Rochdale fil-31 minuta u laqat ukoll il-lasta qabel tmiem l-ewwel taqsima. Tottenham ħarġu b’saħħithom fit-tieni taqsima u skorjaw tliet darbiet fl-ewwel kwarta tat-taqsima permezz ta’ Fernando Llorente.

Son għamilhom 5-1 mill-viċin meta kien għad fadal 25 minuta, qabel mas-sostitut Kyle Walker-Peters żied ieħor fit-93 minuta. Tottenham jilagħbu kontra Swansea fil-Liberty Stadium fis-17 ta’ Marzu.