Lokali

“Bdiet ittiha bil-ponn u bis-sieq” – Il-handyman kien l-ewwel li salva lill-Kap tal-Iskola

Meta ħebbet għaliha, in-nanna tal-istudent qalet: "Ħadd ma jgħajjat mat-tifel"

In-nanna tal-istudent li attakkat u heddet lill-Kap tal-Iskola tal-Birgu, tatha bil-ponn u bis-sieq, u qabditha minn xagħrha u kaxkritha mal-art. U l-ewwel kelmiet tagħha qabel tatha x-xebgħa kienu: “Ħadd ma jgħajjat mat-tifel”.

Dawn id-dettalji ngħataw f’rakkont dettaljat ta’ x’ġara t-Tlieta meta nanna ta’ student daħlet ġol-iskola u marret għall-Kap tal-Iskola. Il-verżjoni ta’ dak li seħħ ngħatat mill-Union tal-Għalliema Maltin (l-MUT).

Skont il-verżjoni tal-MUT, ftit wara l-għaxra tat-Tlieta filgħodu, il-Kap tal-Iskola Lorna Schembri kienet bilqiegħda titkellem fuq it-telefon fl-uffiċċju tagħha meta rat persuna tistenna barra l-uffiċċju, u b’hekk qalet lill-Assistent Kap biex tara x’riedet. Din il-persuna daħlet fl-uffiċċju u qalet biss li kienet in-nanna ta’ student, fejn semmiet isem l-istudent.

Minnufih il-persuna qalet il-kliem ‘Ħadd ma jgħajjat mat-tifel’ u mingħajr ma tat ċans ċans ieħor, qabdet lill-Kap tal-Iskola minn xagħarha u kaxkritha għal mal-art fejn filwaqt li baqgħet iżżommha minn xagħarha, bdiet ittiha ħafna daqqiet bil-ponn u bis-sieq.

Skont l-MUT kien handyman tal-iskola flimkien ma’ membru tal-managament tal-iskola li l-ewwel intervjenew biex iwaqqfu lill-aggresur, li wara ġiet skortata barra mill-bini. Apparti li fuq il-post issejħu l-Pulizija, il-Kap tal-Iskola kellha tittieħed l-isptar fejn matul il-ġurnata tat-Tlieta sarulha numru ta’ testijiet.

L-MUT qalet li l-Kap tal-Iskola ma tafx lill-agressur, u li kemm hi kif ukoll l-għalliema l-oħra dejjem ħadu ħsieb l-istudent konċernat, u li għaldaqstant ma tistax tifhem x’wassal għall-attakk.

L-MUT temmet l-istqarrija billi qalet li terġa’ tinsisti li l-awtoritajiet ma jibqgħux jieħdu kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà fl-iskejjel b’mod leġġer u biex ma jħallux dawn il-każijiet, li qed isiru aktar komuni, iseħħu fl-iskejjel Maltin.