In-Netflix, kumpanija tal-istreaming li hija wkoll il-moħħ wara numru ta’ serje tat-televiżjoni fosthom ‘Narcos’ u ‘House of Cards’, dalwaqt se tkun qed toħroġ film dwar il-Panama Papers.
Għalkemm għadha ma ħarġitx data uffiċjali ta’ meta se joħroġ il-film, diġà tpoġġa reklam tal-film fuq il-website tan-Netflix. Filfatt, Maltin li għandhom kont fuq Netflix, jistgħu iżiduh fil-lista tagħhom biex ikunu nfurmati malli joħroġ il-film.
Il-kumpanija kienet akkwistat id-dritt li tagħmel dan il-film f’Lulju tas-sena li għaddiet. Il-film, li se jkun twil 43 minuta, se jkun ibbażat fuq ktieb li kien inkiteb mill-unika żewġ ġurnalisti li kellhom aċċess għas-sors li kixef 11-il miljun dokument.
L-istorja hija dwar il-mod kif sors anonimu fi ħdan il-kumpanija ‘Mossack Fonseca’, ibbażata fil-Panama, kixef miljuni ta’ dokumenti li juru kif persuni ta’ importanza madwar id-dinja, kienu qegħdin jużaw il-Panama biex jiftħu kumpaniji sigrieti bl-iskop li jaħbu flus maħmuġa.
Id-dokumenti kienu għaddew għand il-gazzetta Ġermaniża Süddeutsche Zeitung u aktar tard kien involut il-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi biex id-dokumenti setgħu jiġu studjati u ppubblikati.
//= $special ?>