Tkompli tiggrava s-sitwazzjoni tal-kiri tal-postijiet fil-pajjiż, bis-sitwazzjoni tant saret problematika, li wħud qed jaffordjaw biss jikru garaxxijiet imdawwra f’xi tip ta’ appartamenti, saħansitra għall-prezz ta’ €350 fix-xahar.
Filmat imxandar mis-sit tal-gazzetti tal-GWU juri s-sitwazzjoni “xokkanti” li qed ikollhom jaċċettaw dawn il-persuni, hekk kif dan il-post partikolari u oħrajn bħalu ma tantx huma f’kundizzjoni tajba. Iżda min qed jikri kkonsla lill-klijent, aktarx barrani, li almenu għandu tieqa!
Il-garaxx, imdawwar f’residenza għall-kiri, jinsab fi stat kundannabbli u dilabitanti, b’umdità evidenti, għamara mkissra u apparat domestiku fi stat kundannabbli. Barra minhekk, lanqas ma hu ċar jekk il-‘cooker’ jew il-friġġ humiex fi stat li jintużaw. U dan minkejja li f’dan il-garaxx, hemm min għex għal erba’ snin.
Ma’ inewsmalta.com, tkellem Charles Miceli, Attivist Kontra l-Faqar, li nnota kif minkejja li l-Gvern qed jgħid li qed ngħixu fl-Aqwa Żmien, ħadd ma jista’ jinnega li hawn ukoll min qed jgħix fl-agħar żmien.
Dan meta hu stmat li madwar 23,000 persuna mhux ilaħħqu mal-ħajja, minkejja li għandhom salarju tagħhom. Dawn jammontaw għal bejn 3% u 5% tal-popolazzjoni. Miceli jgħid li s-sitwazzjoni tal-kirjiet hi l-aktar li tispikka fost ir-raġunijiet għaliex nies vulnerabbli qed ikollhom jaffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ tbatija.
Din is-sitwazzjoni qed tkompli tiggrava, partikolarment meta n-nuqqas ta’ Akkomodazzjoni Soċjali lanqas biss bdiet tiġi segwita mill-Gvern Laburista, li f’ħames snin ma beniex żona waħda ġdida ta’ Housing Soċjali.
U dan meta hawn talba qawwija għall-kiri ta’ appartamenti, bil-konsegwenza li l-prezzijiet qed jiżdiedu ferm u jkunu għoljin wisq għal min irid jikri.
//= $special ?>