L-istedina li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex flimkien jiltaqgħu u jitwaqqfu l-prattiċi ħżiena ta’ qabel l-elezzjoni, ma ntlaqgħatx mill-Prim Ministru Joseph Muscat.
Dan hekk kif f’kummenti lil NETnews fi tmiem attività fiż-Żokrija, Muscat qal li “jirrifjuta” li dak li seħħ qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet kienu filfatt prattiċi ħżiena.
“Nirrifjuta l-allegazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni li sar dak li qed jgħid li sar”, qal Muscat, f’indikazzjoni mill-iktar ċara li se jirrifjuta l-istedina ta’ Adrian Delia u li ma sar xejn ħażin mill-Gvern Laburista qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Minflok kien ċar u wieġeb jekk l-ingaġġ ta’ mijiet qabel l-elezzjoni sarx bil-barka tiegħu jew ta’ xi ministru ieħor, Muscat żeffen fin-nofs lil Beppe Fenech Adami, f’każ li m’għandu xejn x’jaqsam mal-prattiċi li uża dan il-Gvern ftit tal-jiem biss qabel l-elezzjoni.
Ilbieraħ, Adrian Delia qal li kien qed jistieden lill-Gvern biex flimkien jiltaqgħu u jitwaqqfu l-prattiċi ħżiena li qabel elezzjoni jiddaħħlu eluf ta’ persuni jaħdmu mal-Gvern.
//= $special ?>