Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qed tinsisti li l-Gvern Malti m’għandux jerġa jonfoq il-fuq minn €6,000,000 mit-taxxi ta’ flus il-poplu biex jagħmel referendu ieħor rigward materja li l-maġġoranza tal-poplu Malti diġa’ ivvota fuqha fl-2015.
Dan intqal fi stqarrija b’reazzjoni għal dak li intqal ilbieraħ mill-BirdLife.
L-FKNK qalet illi l-Gvern għandu serjament jikkunsidra l-petizzjoni tal-FKNK, li hija l-akbar petizzjoni ta’ l-fuq minn 104,000 firma ta’ ċittadini Maltin u Għawdxin li qatt tresqet fil-Parlament Malti, biex tkun emendata adekwatament il-Liġi tar-Referenda.
Intqal ukoll illi l-istaġun kif propost mill-ERA huwa wieħed inadegwat u mingħajr sens għax fil-perjodu ssuġġerit minnhom ipassi tajr ieħor iżda mhux is-summien.
“Illum huwa ċar aktar minn qatt qabel li l-BLM iridu jibqu mexjin fit-triq tal-abolizjoni. Dan minkejja li ż-żamma tal-kaċċa tradizzjonali fir-rebbiegħa kienet waħda mis-77 arranġament speċjali li kien għamel il-Gvern qabel is-sħubija ta’ Malta fl-UE fl-2004; minkejja li, fl-2009, fil-Kawża li kienet instigata mill-BirdLife kontra l-Gvern Malti, l-Qorti tal-Ġustizzja Ewopeja ikkonfermat li din it-tradizzjoni hija possibli; minkejja li fl-2015 il-maġġoranza tal-poplu Malti ivvota favur il-kaċċa fir-rebbiegħa fir-Referendu Abbrogattiv li ntrebaħ mill-FKNK; u minkejja l-moratorju fis-seħħ fil-preżent, li ma’ jippermettiex il-kaċċa tal-gamiema fir-rebbiegħa sakemm il-FKNK tkun f’pożizzjoni biex titlob it-tmiem ta’ dan il-moratorju fil-futur qarib bi provi sodi u xjentifiċi li l-kaċċa tradizzjonali tal-gamiem fir-rebbiegħa f’Malta hija sostenibbli.”
L-FKNK qalet illi d-deċiżjoni li ttieħdet mill-Kumitat Ornis rigward id-dati tal-istaġun, ittieħdet wara li ġew ippreżentati rapporti u dettalji estensivi. “Il-vot ittieħed b’mod demokratiku u trasparenti kif dejjem isir, fejn kull membru kellu l-opportunità li jisma u jesprimi ruħu”.
L-istqarrija tgħid illi l-allegazzjoni tal-BirdLife ta’ ftuħ ta’ staġun għas-summien waqt il-passa tal-gamiem ma’ jreġġix. “L-istaġun ser jinfetaħ għas-summien biss u għaldaqstant kull allegazzjoni ta’ ksur ta’ liġi huwa biss hekk, allegazzjoni”.
Sadanittant, fi stqarrija bi tweġiba għall-pożizzjoni tal-FKNK, BirdLife Malta wieġbet li hi kemm hi l-ispiża biex isir Referendum, id-demokrazija m’għandhiex prezz. L-għaqda qalet li l-FKNK qed tipprova xxekkel id-demokrazija. Min-naħa l-oħra, jekk il-Gvern jagħżel li jinjora aġenzija tiegħu stess, bħalma hi l-ERA, ma jkunx hemm triq oħra ħlief li wieħed jikkontempla x’għandu jkun il-pass li jmiss.
Filwaqt li qalet li l-konsultazzjoni pubblika f’Referendum hi dritt demokratiku, BirdLife Malta sostniet li l-attentat biex jinħonoq dan id-dritt demokratiku jirrifletti għaliex fl-2018 għadu jingħata appoġġ lil prattiċi pprojbiti f’soċjetajiet moderni oħrajn. L-ebda intimidazzjoni fil-konfront tal-Uffiċjali tal-BirdLife mhi se twaqqaf lill-għaqda milli turi li kif il-Gvern Laburista mhux interessat fil-protezzjoni tan-natura.
//= $special ?>