Qed tkun ikkunsidrata serjament il-proposta li Gvern ġdid Nazzjonalista jeleva s-settur tal-Isport għal Ministeru.
Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’laqgħa fid-Dar Ċentrali mal-Uffiċjali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u r-rebbieħa tal-Unuri tal-Isportivi Nazzjonali.
Adrian Delia qal li aktar minn qatt qabel, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħti prijorità lis-settur sportiv, fost l-oħrajn mill-aspett edukattiv, biex aktar tfal Maltin u Għawdxin iħossu l-bżonn li jipparteċipaw.
Hu qal li mhux b’kumbinazzjoni li wieħed jikseb premju, iżda għax ikun impenja ruħu fit-tul fid-dixxiplina rispettiva tiegħu. Madankollu, anke l-parteċipazzjoni mingħajr premju hi importanti għax din ukoll tgħin fl-iżvilupp tal-persuna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li kull Gvern f’pajjiżna għandu jinvesti aktar biex it-tfal tagħna jżidu l-parteċipazzjoni fl-isport. Ma nistgħux nibqgħu ninħbew wara l-iskuża taċ-ċokon tal-pajjiż, għalkemm wieħed irid jirrikonoxxi li dan jista’ jwassal għal limitazzjonijiet fir-riżorsi umani, sostna Adrian Delia.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja partikolarment lill-isponsors u lill-qraba, li kontinwament jgħinu lill-isportivi fl-impenji tagħhom.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Sandro Micallef qal li l-Unuri tal-Isportivi Nazzjonali jippreżentaw l-‘elite’ tal-isportivi Maltin.
Hu esprima l-pjaċir tiegħu u tal-Għaqda b’din il-laqgħa mal-Kap tal-Oppożizzjoni għax dan juri l-impenn li l-isport ikun ta’ prijorità għall-Partit Nazzjonalista wkoll.
Sandro Micallef qal li l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Isportivi Nazzjonali kienet it-58 waħda u l-Għaqda Ġurnalisti Sports qed tħares ‘il quddiem għall-edizzjoni ta’ sentejn oħra biex jitfakkar is-60 anniversarju minn meta Benny Pace, bħala Editur ta’ gazzetta sportiva, kien beda dawn l-Unuri fl-1960.
Għall-okkażjoni, fil-preżenza wkoll tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Ryan Callus, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ppreżenta tifkira lir-rebbieħa ta’ dawn l-Unuri għal din is-sena.
//= $special ?>