Is-sentenza tal-Qorti tal-ġimgħa li għaddiet u li fiha sabet ħatja ta’ malafama lill-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli – li qed taspira li li tieħu t-tmun tal-Partit Laburista hekk kif Joseph Muscat iwarrab mix-xena politika lokali – jidher li niżlet għasel ma’ dawk viċin il-Ministru Chris Fearne li wkoll qed jaspira għall-istess kariga.
Żvela dan il-ġurnal in-Nazzjon wara li f’nofs din il-ġimgħa Miriam Dalli nstabet ħatja li meta kienet Editur tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-One, lura fl-2007, kienet ippermettiet li ssir malafama fil-konfront tal-eks-Ministru Nazzjonalista Ninu Zammit dwar flus li kien ingħata f’kumpens meta kienet itteħditlu art tiegħu fiż-Żurrieq. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, sabet ukoll lill-eks-Kap tal-Oppożizzjoni Alfred Sant u l-eks Segretarju Ġenerali Jason Micallef ħatja ta’ malafama
Sorsi fil-Partit Laburista fissru li din is-sentenza titfa’ piż tqil fuq Miriam Dalli għaliex mhu xejn sabiħ li persuna tinstab ħatja ta’ malafama, aktar u aktar meta l-istess persuna tkun qed taspira għal kariga daqstant importanti fi ħdan il-Partit. Huma żiedu li waħda mit-tattiċi biex tkun imbuttata Miriam Dalli hi li Miriam Dalli mhux biss id-dehra kożmetika iżda hi wkoll ħielsa minn kull dell tqil.
Is-sorsi li tkellmu ma’ in-Nazzjon qalu li bis-sentenza ta’ din il-ġimgħa, is-sostenituri ta’ Miriam Dalli ma jistgħux jiftaħru li hi ħielsa minn kull dell tqil.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti wissiet li: “minkejja l-importanza li bla dubju ta’ xejn għandha tingħata lil-libertà tal-espressjoni u lil-libertà tal-istampa u għalkemm is-servizz inkwistjoni kien fir-rigward ta’ persuna pubblika u involuta fil-politika – f’dan il-każ Ministru – il-fatti rakkuntati f’dan is-servizz kienu bla bażi, impertinenti u ’l bogħod mill-korrettezza.”
//= $special ?>