Lokali

L-Arċisqof Scicluna itemm il-missjoni fiċ-Ċili

L-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna temm il-missjoni tiegħu fiċ-Ċili wara li sema’ il-vittmi tal-allegat każ ta’ abbużi sesswali.

Mons Scicluna kien magħżul bħala mibgħut speċjali mill-Papa Franġisku sabiex jinvestiga jekk l-Isqof Juan Barros taċ-Ċili kienx qed jgħatti l-abbużi tal-qassis Fernando Karadima.

Illum, l-Arċisqof jinsab fi triqtu lura lejn il-Vatikan fejn hu mistenni li jlesti r-rapport tal-missjoni tiegħu u jgħaddih lill-Papa fil-futur qarib. Il-missjoni ma kienitx nieqsa mill-intoppi hekk kif l-Arċisqof Scicluna kellu emerġenza medika fiċ-Ċili.

Minbarra li sema’ lill-vittmi, l-Arċisqof ta’ Malta offra wkoll pariri u informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ investigazzjoni taħt il-liġi kanonika.

Dan il-każ kien tappan iż-żjara tal-Papa Franġisku fiċ-Ċili f’Jannar li għadda minħabba li l-Papa kien oriġinarjament iddefenda lill-Isqof Barros, sakemm eventwalment biddel il-pożizzjoni u bagħat lill-Arċisqof Scicluna bex jinvestiga l-każ.