Lokali Unjoni Ewropea

L-MEPs tal-PN: Is-sistema tat-taxxi għandha tibqa’ kompetenza nazzjonali

Id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew temmen li d-deċiżjonijiet dwar is-sistema tat-taxxi fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għandha tibqa’ tiġi deċiża mill-Gvernijiet rispettivi, u mhux mill-Unjoni Ewropea.

Wara l-vot dwar it-twaqqif ta’ Kumitat Parlamentari dwar l-evażjoni tat-taxxa, David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech qalu: “M’aħna se nippermettu qatt li l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi għalina l-Maltin kif għandna nħaddmu s-sistemi tat-taxxi tagħna. Dik kienet, għadha, u għandha tibqa’, kompetenza tal-Gvernijiet rispettivi, u fil-każ ta’ Malta, kompetenza tal-Gvern Malti. Dan il-Kumitat għandu jiffoka fuq il-qtil tal-ġurnalist Slovak Jan Kuciak, li bħal Daphne Carauana Galizia, nqatel waqt li kien qed jinvestiga atti kriminali finanzjarji. Dan il-Kumitat m’għandux jaħli r-riżorsi tiegħu fuq is-sistemi tat-taxxi tal-Istati Membri. Hemm affarijiet aktar importanti.”

Id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew ħa d-deċiżjoni li jwaqqaf dan il-Kumitat wara li l-Kumitat PANA – li nvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers, fost l-oħrajn lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri – sab numru ta’ illegalitajiet f’dak li wettqu politiċi kemm f’evażjoni tat-taxxa kif ukoll f’ħasil ta’ flus. Dwar dan, David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech qalu: “Li kieku l-Prim Ministru keċċa mill-ewwel lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri, kieku Malta ma kenitx tibqa’ taħt dell tqil dawn ix-xhur kollha.”

Issa li dan il-Kumitat ġie mwaqqaf b’terminu ta’ sena, l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista se jkunu qed jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jassiguraw li dan l-istess Kumitat ma jagħmilx ħsara lil Malta, u minflok jiffoka fuq atti kriminali finanzjarji, korruzzjoni u abbuż ta’ poter. “L-interess tagħna hu l-impjiegi ta’ eluf ta’ Maltin fis-settur tas-servizzi finanzjarji u dak tal-gaming, kif ukoll eluf ta’ persuni oħra li jiddependu fuq dawn is-setturi permezz ta’ akkomodazzjoni, divertiment u affarijiet oħra,” qalu l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista.