Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Numru ta’ drittijiet u libertajiet għadhom qed jiġu mhedda – Francis Zammit Dimech

Ktieb bil-kliem: "Kulħadd għandu dritt għal-libertà tal-espressjoni", imdendel ftit passi bogħod minn fejn seħħet l-ewwel splużjoni. Ritratt: Martin Agius

Numru ta’ drittijiet u libertajiet tagħna l-bnedmin għadhom qed jiġu mhedda, u s-soċjetà ċivili, inkluż bosta għaqdiet volontarji u mhux governattivi, qed jaffaċċjaw sfidi f’numru ta’ postijiet madwar id-dinja, fosthom fl-Ewropa nkluż f’Malta.

Dan qalu l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech waqt sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Brussell, waqt dibattitu dwar il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea waqt is-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti matul is-sena 2018.

Francis Zammit Dimech qal li minkejja li għaddew 70 sena minn meta ġiet iffirmata d-dikjarazzjoni universali dwar id-drittijiet tal-bniedem, din id-dikjarazzjoni tibqa’ relevanti. Hu rrefera għall-fatt li l-libertà tal-espressjoni għadha mhedda, u bosta ġurnalisti qed ikunu intimidati minħabba xogħlhom, inkluż dawk Ewropej. Hu semma kif wara li s-sena li għaddiet, inqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’Malta, fl-aħħar jiem, inqatel il-ġurnalist investigattiv Slovakk Jan Kuciak u s-sieħba tiegħu Martina Kusnirova. “Dawn każijiet li mhux biss isikktu l-ġurnalisti, iżda wkoll iċaħħdu liċ-ċittadini mid-dritt tagħhom li jirċievu informazzjoni li hi ta’ interess għalihom,” qal Zammit Dimech.

L-MEP qal li jilqa’ b’sodisfazzjon li fost il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea, hemm enfasi fuq il-libertà tal-media, kif ukoll il-bżonn li niġġieldu l-impunità, r-rispett lejn is-saltna tad-dritt madwar id-dinja, kif ukoll li jittieħdu l-miżuri meħtieġa fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Il-ġimgħa d-dieħla, Francis Zammit Dimech li jservi fuq il-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem se jkun qed jifforma parti minn delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li se tkun qed tipparteċipa fis-37 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f’Ġinevra. Dwar dan, Zammit Dimech qal “Minkejja li għaddew 70 sena, għadna ‘l bogħod milli jkun hemm rispett assolut lejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u hemm bżonn impenn kontinwu f’dan il-qasam.”