Lokali

Raġel jaqa’ f’bir miftuħ qrib ir-Ramla l-Ħamra

Raġel jista’ jgħoddha b’waħda hekk kif waqa’ f’bir miftuħ li jinsab fiż-żona tar-Ramla l-Ħamra, f’Għawdex.

Jirriżulta li r-raġel kien qed jimxi madwar 15-il metru fl-għolja li ddawwar ir-Ramla, meta f’daqqa waħda sab ruħu nieżel f’dan il-bir wara li ċediet biċċa njama mherrija u mgħottija bil-ħaxix. Il-bir jinsab f’żona pubblika, jiġifieri mhux f’għalqa maħduma jew xi żona ristretta.

Fortunatament ir-raġel irnexxielu jżomm mal-ġenb tal-ħofra ftit metri ‘l isfel minn fejn waqa’ u ħareġ mill-post waħdu. Jidher li hu ma weġġax għalkemm irrakkonta li sofra minn qata’.

“Fortunat li għadni ħaj u ma sofrejtx ġrieħi gravi. Lanqas stajt nara l-qiegħ ta’ dan il-bir li jinsab qrib żona popolari ħafna,” spjega l-vittma.

Dan il-każ seħħ nhar l-Erbgħa li għadda u dwaru sar rapport lill-Pulizija, u mistennija tittieħed azzjoni biex jitneħħa kull periklu minn din iż-żona u jingħalaq dan il-bir u oħrajn fl-inħawi.