Lokali

Tfal morda fl-Iskola f’Ta’ Sannat ma jintbagħtux id-dar; twieġeb il-Kap tal-Iskola

Ġenituri li għandhom tfal li jattendu l-Iskola f’Ta’ Sannat ilbieraħ tkellmu ma’ NET News u wrew it-tħassib tagħhom għall-fatt li tfal morda mhux qed jintbagħtu d-dar u qed ikunu ta’ periklu għat-tfal l-oħra.

Il-ġenituri qalulna li fl-aħħar jiem kien hemm diversi każi ta’ tfal morda b’ċertu mard li faċilment jittieħed iżda għal xi raġuni jew oħra min hu responsabbli naqas milli jibgħat lil dawn it-tfal lura d-dar biex il-mard tagħhom ma jkomplix jinfirex.

L-għalliema  li kienu mistoqsija mill-ġenituri dwar din il-prassi tal-Iskola, qalu li hi f’idejn l-Amminstrazzjoni tal-Iskola x’jiġri f’ċirkostanzi bħal dawn. Qalu li huma min-naħa tagħhom jinfurmaw lill-Amministrazzjoni tal-Iskola bi tfal li jkunu ma jifilħux, iżda mbagħad hu f’idejn l-Amministrazzjoni tal-Iskola li tieħu l-miżuri li tħoss li hu xieraq.

Dawk li tkellmu ma’ NET News qalulna li problema komuni hi li diversi drabi l-ġenituri tat-tfal ikunu jaħdmu t-tnejn u allura ma jkunx hemm min jista’ jieħu ħsieb lit-tfal kemm-il darba dawn jintbagħtu d-dar.

Min-naħa l-oħra mhuwiex ġust u prudenti li tfal ma jifilħux jintbagħtu xorta waħda l-iskola u jgħaddu l-mard u l-mikrobi li jkollhom lil tfal oħrajn.

Fi tweġiba għal din l-istorja, il-Kap tal-Iskola qalet li għandha l-privileġġ li tmexxi din l-iskola u li s-saħħa tiġi qabel it-tagħlim. Hi qalet li meta nindunaw li tifel ikun ma jiflaħx, jittieħed għand in-nurse tal-iskola, li tkun dejjem preżenti fl-iskola.  Hi tagħti parir jekk l-iskola għandiex iċċempel id-dar jew le. Id-deċiżjoni finali hija tal-Kap tal-iskola.  Hi żiedet tgħid li jekk il-ġenituri ma jinstabux, isir kuntatt man-nanniet jew telefon ieħor ta’ emerġenza li l-ġenituri/kustodji ikunu ħallew fil-bidu tas-sena.

Il-Kap tal-Iskola qalet li fil-25 ta’ Jannar 2018 irċeviet email mingħand Dr Ercole Spiteri, Uffiċjal tas-Saħħa Pubblika li nfurmaha li kien ġie rrapurtat każ ta’ Skarlatina fil-klassi Kinder 1.  Il-Kap tal-Iskola qalet li hi mmedjatament infurmat lis-Superjuri tagħha u anke lill-Uffiċjal Mediku tal-Iskola Dr John Xuereb u obdiet dak li qalilha tagħmel.

Il-Kap tal-iskola qalet ukoll li fit-28 ta’ Frar missier ta’ tifla ta’ year 2 infurmaha li t-tifla ma kinietx qed tmur l-iskola għax kellha l-iskarlatina.  Il-Kap qalet “għalkemm ma ġejtx avżata mid-Dipartiment tas-Saħħa pubblika dwar dan il-każ ,skattat xorta waħda l-proċedura li jiġu nfurmati l-ġenituri kollha u li jittieħdu l-prekawżjonijiet kollha.”

Qalet li l-indafa fl-iskola hija mpekkabbli.  Kuljum, l-imwejjed kollha jintmessħu bl-alkoħol 96% li joqtol kważi l-mikrobi kollha.  Il-klassijiet huma dejjem miżmuma f’ventilazzjoni skont il-parir tat-tabib.