Sport Sport Ieħor

ATLETIKA: Jirriżenja Scott Blackmun

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku tal-Istati Uniti Scott Blackmun (fir-ritratt) irriżenja wara l-mewġa ta’ skandli u abbużi fi ħdan it-tim tal-ġinnastika tal-Istati Uniti.

Blackmun kien fil-qalba tal-kritika b’rabta mal-akkużi ta’abbużi sesswali mit-tabib li kien responsabbli mit-tim tal-ginnastika, Larry Nassar.

L-aħbar tar-riżenja ta’ Blackmun ingħatat mill-President tal-Kumitat Olimpiku Amerikan Larry Probst fejn filwaqt li għamel riferenza li Scott Blackmun, ta’ 60 sena qed ibgħati mill-kanċer qal li hu fl-interess ta’ kulħadd li l-Kumitat Olimpiku Amerikan jaċċetta r-riżenja tiegħu.

Diversi ġimgħat ilu Larry Nassar ingħata 175 sena ħabs f’Michigan wara li nstab ħati li abbuża mijiet ta’ atleti bniet.

Meta ingħata l-verdett kontra Nassar li jlaħħaq sa 175 sena ħabs, f’Jannar li għadda, Scott Blackmun kien ħareġ apologija wara li l-Kumitat Olimpiku tal-Istati Uniti kien naqas milli jibgħat rappreżentant għas-smiegħ tal-ġuri.