Persuni armati, aktar kmieni llum, wettqu attakk f’Ouagadougou, il-kapitali ta’ Burkina Faso u fejn qed jidher li l-Ambaxxata Franċiża, flimkien mal-kwartieri-ġenerali tal-militar, spiċċaw bħala ‘miri ewlenin’.
Intant, il-Gvern ta’ Burkina Faso qal li nqatlu talanqas erba’ fost l-aggressuri fiz-zona tal-ambaxxata, b’żewġ persuni armati ukoll jitilfu ħajjithom fl-inħawi tal-kwartieri militari. Ingħad ukoll li seba’ membri tal-qawwiet tas-sigurtà nqatlu ‘waqt battalja qalila’ li ħalliet ukoll il-midruba. Mhux eskluż li ċ-ċifra tal-vittmi fil-kapitali tikber fis-sigħat li ġejjin.
L-aħħar rapporti rreferew għal sorsi Franċiżi f’Burkina Faso li qalu li s-sitwazzjoni fl-ambaxxata ‘issa, inġiebet taħt kontroll’ .
Filwaqt li ma ssemmewx l-identitajiet tal-aggressuri, inkella l-isem tal-grupp li huma kienu jiffurmaw parti minnu, il-Ministeru għall-Informazzjoni fil-pajjiż Afrikan sostnal li ‘l-azzjoni vjolenti kellha elementi qawwija ta’ terroriżmu’. Dan meta l-isparar, fil-preżent, għadu qed jidwi mill-qalba tal-kapitali ta’ Burkina Faso.
//= $special ?>

