Knisja Kultura Lokali

FILMAT: Diżgrazzja tinbidel fi providenza għall-Franġiskani Minuri u r-Rabtin

Inawgurat is-saqaf, l-altar u l-presbiterju tal-Knisja ta' Santa Marija ta' Ġesù tar-Rabat

Sbieħ l-Erbgħa 23 t’Awwissu li għadda, il-Patrijiet Franġiskani Minuri qamu maħsuda hekk kif matul il-lejl sfronda s-saqaf ta’ fuq l-altar maġġur tal-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù, fir-Rabat.

Il-providenza t’Alla u tar-Rabtin f’dawn l-aħħar sitt xhur u nofs kienet tant kbira li l-Patrijiet Franġiskani Minuri l-Ħamis filgħaxija kkonsagraw l-altar mejda l-ġdid u nawguraw ix-xogħol fuq il-presbiterju u s-saqaf. Iċ-ċelebrazzjoni tmexxiet mill-Isqof t’Għawdex Mario Grech flimkien mal-Patrijiet Franġiskani Minuri u r-reliġjużi Rabtin u fiha saret id-dilka biż-żejt tal-altar il-ġdid.

Patri Martin Coleiro, Gwardjan tal-Kunvent Franġiskan tar-Rabat, tkellem magħna fuq is-sostenn li sabu m’għand ir-Rabtin: “Din kienet providenza għall-fatt li dan l-inċident t’Awwissu li għadda ġabar iktar lill-komunità Rabtija.

Ridna nipproteġu s-saqaf u nsaqqfuh mill-ġdid, isir l-altar mejda għax inqered għalkollox, sar il-presbiterju għax infaqa’ kollu bix-xorok u t-travi li waqgħu, u ġiet l-okkażjoni f’waqtha li ssir il-pittura. Dan qed ngħidu kollox fi żmien 6 xhur.”

Filwaqt li x-xogħol tal-irħam fuq l-altar sar mill-marmista Ronnie Pisani, il-pittura tas-saqaf ġie fdata mill-artist Għawdxi, il-Kav. Adonai Camilleri Cauchi: “Kien ta’ unur għalija li naħdem din il-parti ċentrali tal-korsija. Nirringrazzja lill-Patrijiet li avviċinaw lili wara 20 pittura li għamilt sentejn ilu maġenb it-twieqi. Kien ta’ unur li naħdem bejn 2 artisti kbar, Ġan Battista Conti u z-ziju tiegħu, Paolo Camilleri Cauchi, u sfida kbira għalija, kemm minħabba iż-żmien limitat u kif ukoll minħabba l-kobor grandesk tagħha. Minn taħt l-altar tidher żgħira iżda meta tifrixha mal-art, hija kbira ħafna. Kienet sfida ukoll li ngħaqqad il-ħsieb teoloġiku u artistiku u noħloq xena tridimensjonali glorjuża fuq stil tas-sotto in su, qisek qed taraha minn taħt biex noħloq dimensjoni akbar u nuri l-kobor tal-ġenna.”

It-tematika ta` din il-pittura, deskritta teoloġikament minn Rev. Dennis Mifsud, hija l-Isem Imqaddes ta` Ġesù fl-istorja tas-salvazzjoni hekk kif kollox idur simbolu tal-Ewkaristija, l-IHS. Insibu lill-Arkanġli Mikiel, id-difensur tal-Isem Imqaddes, Gabriel, li ħabbar l-Inkarnazzjoni lill-Verġni Marija u ordna lil Ġużeppi biex jagħtih l-Isem ta` Ġesù, u Rafael, il-mediċina ta` Alla, irrafigurat bil-Knisja ta’ Ġieżu u s-6 nixxiegħat(is-sagramenti) ħierġin minnha.