Sport Waterpolo

FILMAT: Karl Izzo fiduċjuż li Malta tista’ terġa’ tikkwalifika għall-Kampjonat Ewropew tal-Waterpolo

L-istennija għall-partita tat-tim nazzjonali Malti tal-Waterpolo qed tkompli tiżdied, hekk kif għada Malta tilgħab kontra l-Belarus bil-mira li tikkwalifika għat-tieni edizzjoni konsekuttiva tal-Kampjonat Ewropew, li din is-sena se jsir f’Barcelona f’Lulju.

Net Sports tkellem mal-kowċ nazzjonali Karl Izzo qabel din il-partita, li fil-Waterpolo lokali qed titqies bħala l-aktar importanti fl-istorja ta’ dan l-isport.

Karl Izzo tkellem dwar dak li seta’ mar aħjar fit-tim Malti fil-Belarus ġimgħa ilu. Izzo hu konxju mill-possibbiltajiet li t-tim Malti għandu biex jikkwalifika. Is-Sibt li għadda, Malta tilfet 8-7 f’Minsk u rebħa b’distakk ta’ żewġ gowls ikun biżżejjed biex Malta tikkwalifika. F’każ li Malta tirbaħ b’gowl, il-logħba tmur għall-għoti tal-penalties.

Għal din il-logħba mistennija attendenza tajba hekk kif fosthom il-partitarji tat-timijiet ewlenin se jingħaqdu flimkien mas-South End Core biex joffru l-aqwa sapport possibbli.