Futbol Sport

FUTBOL: Ibrahimovic qed jitħajjar jilgħab fit-Tazza tad-Dinja

Zlatan Ibrahimovic

Zlatan Ibrahimovic qed jitħajjar jilgħab fit-Tazza tad-Dinja li se ssir fi ftit xhur oħra fir-Russja.

Hekk ta x’jifhem il-plejer ta’ Manchester Utd meta waqt intervista fuq stazzjon Żvediż ammetta li qed iħoss in-nuqqas tat-tim nazzjonali. Ibrahimovic kien irtira minn man-nazzjonal wara li ntemm il-Kampjonat Ewropew tal-2016.

Minn dakinhar ‘l hawn hu xorta waħda baqa’ juri logħob pożittiv u fl-ewwel staġun tiegħu ma’ Man Utd skurja diversi gowls u rebaħ tliet unuri imma f’April ta’ sena ilu kien weġġa’ serjament irkopptu u kellu jkun operat.

Hu dam diversi xhur biex irkupra u kien biss lejn tmiem is-sena li għaddiet li rritorna għal logħob imma fil-bidu ta’ Jannar reġa’ weġġa’ u fil-fatt dan l-istaġun lagħab biss darbiet.

Riżultat ta’ dan tilef postu mat-tim Ingliż imma bla dubju jekk kemm-il darba jkun disponibbli għat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu żgur li jkun utli għall-kowċ Janne Andersson meta wieħed iqis li hu l-aqwa skorer tal-pajjiż b’62 gowl f’116-il logħba.

“Inħoss in-nuqqas tat-tim nazzjonali u jekk niddeċiedi li nilgħab fit-Tazza tad-Dinja rrid inkun ċert li nilgħab fiha għax inkun għadni kapaċi noffri xi ħaġa lit-tim nazzjonali. Ma rridx inkun parti mit-tim minħabba l-fama li għandi iżda għax verament nista’ nkun utli għall-kowċ,” qal Ibrahimovic.

L-Iżvezja ikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja wara li f’Novembru li għadda eliminaw lill-Italja mill-play-offs.

Fil-fażi tal-gruppi tat-Tazza tad-Dinja l-Iżvezja se tilgħab kontra l-Korea t’Isfel, il-Messiku l-Ġermanja.