Lokali

Għajta favur id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi

F’ħafna pajjiżi fl-Ewropa għad għandna soċjetajiet patrijarkali

Hekk kif qed jersaq il-Jum Internazzjonali tan-Nisa, il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa tfakkar biex wieħed ikompli jaħdem dwar l-ugwaljanza u l-oppressjoni.

Fi kliem il-Kunsill, in-nuqqas ta’ ugwaljanza ssir għas-sempliċiment raġun li l-persuna tkun twieldet mara. Jgħidu li mhux biss in-nisa għandhom jaħdmu biex ikolna soċjetà ugwali iżda wkoll l-irġiel. Dan jikkonċernahom b’mod speċjali minħabba wliedhom bniet, in-nisa tagħhom u ommijiethom.

Il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa kontinwament iħeġġu lill-politikanti biex jaħdmu favur l-ugwaljanza bejn is-sessi. Qalu li biex dan iseħħ hemm bżonn li tinbidel it-tip ta’ edukazzjoni li qed jingħataw it-tfal fl-iskejjel.

Meta wieħed iħaddem lil xi ħadd, il-Kunsill ifakkar biex ma tibqax il-mentalità li n-nisa kapaċi għal xogħolijiet partikolari biss.

Illum il-ġurnata, numru kbir ta’ nisa jaħdmu daqs l-irġiel biex jgħinu lil familja b’mod finanzjarju. Jgħidu li għandhom jingħataw kull sapport possibli biex jinqasam ix-xogħol indaqs bejn il-missirijiet u l-ommijiet fejn tidħol il-familja u x-xogħol.

F’ħafna pajjiżi fl-Ewropa għad għandna soċjetajiet patrijarkali. Sostnew li jekk mhix se tinbidel il-mentalità tas-soċjetà, sa mitt sena oħra se nkunu għadna fl-istess pożizzjoni li ninsabu fiha bħalissa.

Il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa ilu għal dawn l-aħħar 54 sena jaħdmu favur id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi.