Internazzjonali

Ħabs talli offendiet ix-Xmara Nil

Qorti fl-Eġittu kundannat lill-kantanta popolari lokali, Sherine, għal sitt xhur ħabs, wara li hi sostniet li ‘in-nies li jixorbu mix-Xmara Nil  jissugraw li jimirdu’. Intant, hi ingħatat il-libertà proviżorja waqt li appellat mis-sentenza.

Sherine instabet ħatja dwar il-firxa ta’ ‘aħbarijiet qarrieqa’ b’konnessjoni ma’ rekording fejn hi tinstama’ tiċċajta dwar ‘il-mikrobi li kapaċi jinfettaw lil dawk li jixorbu l-ilma tan-Nil’.

Sherine hi waħda mill-aktar kantanti famużi fl-Eġittu u hi wkoll membru fuq il-panel tal-versjoni Eġizzjana tal-ispettaklu televiżiv ‘The Voice’. Hi, issa, talbet skuża wara li nqabdet qed tiċċajta ( fuq tape) dwar in-Nil mal-membri tal-udjenza waqt wieħed mill-kunċerti tagħha. Dak il-ħin, Sherine wissiet dwar ‘il-perikli’ min-Nil u ħeġġet biex in-nies, minflok, tixrob tip ta’ ilma minerali Franċiża.

Hu minnu wkoll li l-kantanta għandha kanzunetta popolari fuq tema ta’ ‘Jekk Persuna Qattx Xorbot mix-Xmara Nil’.

Il-media Eġizzjana qalet ukoll li Sherine kienet immultata l-ekwivalenti ta’ 500 ewro għal kliemha u li hi se tibqa’ ħielsa sal-konklużjoni tal-każ.