Il-kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ġie ordnat jinvestiga uffiċjal tal-Korp tal-Pulizijawara li allegatament gideb taħt ġurament meta qal li weġġa’ f’inċident tat-traffiku li kien involut fih, fl-2006
B’rabta ma’ dan il-każ kien tressaq il-Qorti Alan Debono akkużat li kien qed isuq b’mod perikoluż u li minħabba f’hekk ikkawża ġrieħi gravi fuq l-Uffiċjal tal-Pulizija Mark Galea.
Galea kien qal li weġġa’ meta l-vettura misjuqa minn Debono kienet daħlet fil-vettura misjuqa minnu.
L-inċident kien seħħ fin-Naxxar fit-Telgħa t’Alla u Ommu.
Fil-Qorti kien qal li kawża tal-inċident hu spiċċa b’diżabilita’ permanenti kawża ta’ ġrieħi f’għonqu. Kien qal ukoll li l-ħsara fil-karozza kienet tammonta għal €1,060.
Iżda l-verżjoni tal-akkużat kienet differenti għal kollox. L-akkużat Alan Debono kien qal li lanqas biss ħabat mal-vettura għax kien irnexxielu jżomm il-brejk fil-ħin meta l-istess Galea tilef il-kontroll tal-vettura. B’ Galea kien ħareġ mill-vettura jgħajjat u jgħidlu li daħal fih.
Skont l-akkużat, hu kien qallu biex iċempel lill-pulizijia u l-gwardjani lokali iżda Galea kien insista li hu stess pulizija u li kellu jobdih. Kien saħansitra ordna lil Debono biex imur fl-Għassa u jirrapporta.
Iżda Alan Debono saħaq li r-rapport, hekk kif ippreżentat fil-Qorti, ma kienx jirrifletti l-verżjoni li kien ta lill-Pulizija. Fil-Qorti ħareġ li Surveyor ma kienx sab ħsara fuq iż-żewġ karozzi u espert mediku ma sab l-ebda evidenza ta’ diżabilità permanenti fuq l-allegat vittma.
Il-Maġistrat qalet li l-verżjoni tal-akkużat, Alan Debono, kienet aktar kredibbli minn dik tal-uffiċjal Mark Galea.
Il-Qorti qalet ukoll li l-ordnijiet li Galea ta waqt l-inċident imorru kontra kull prinċipju li jintuża biex ix-xena tal-inċident tinżamm kif tkun.
Għalhekk li l-Qorti talbet li l-Kummissarju tal-Pulizija biex jingħata kopja tas-sentenza u wara li jwettaq investigazzjoni, skont dak li jirriżulta, jibda proċeduri kontra l-uffiċjal tal-Pulizija Mark Galea, talli ta xhieda falza.
//= $special ?>