Festi Knisja Kultura Lokali

FILMAT: Lura għall-glorja l-Vara Nkurunata ta’ San Ġużepp ix-Xiħ tar-Rabat

Inawgurat ir-restawr fuq il-vara nkurunata ta' San Ġużepp ix-Xiħ fil-Katidral tal-Imdina

Tlesta r-restawr tal-vara mirakoluża u nkurunata ta’ San Ġużepp ix-Xiħ, meqjuma fis-Santwarju Nazzjonali ta’ San Ġużepp fir-Rabat.

Din hija l-eqdem statwa ta’ San Ġużepp, antika madwar 500 sena, u ngħatat b’donazzjoni mill-Ordni ta’ San Ġwann hekk kif l-istorja tgħid li l-istatwa kienet parti minn bastiment tal-Kavallieri.

L-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp fdat dan ix-xogħol lill-kumpanija Atelier del Restauro u r-restawr għadu kif ġie nawgurat illejla permezz ta’ Programm ta’ Mużika Sagra fil-Katidral tal-Imdina mill-Banda L’Isle Adam u l-Coro bel Canto. Fost il-mużika li qed tindaqq, insibu l-Innu l-Kbir lil San Ġużepp, mużika tas-Surmast Muscat Azzopardi u versi tal-Avukat George Zammit, li nkiteb fl-okkażjoni tal-Inkurunazzjoni tal-istess vara 55 sena ilu.

L-Arċikonfraternita se tilqa’ lura din il-vara devota fil-Knisja ta’ Santa Marija Ta’ Ġieżu il-Ħadd li ġej. Il-programm jibda b’purċissjoni li toħroġ mill-Katidral Metropolitan tal-Imdina akkumpanjata mill-Banda L’Isle Adam. Mad-dħul tal-vara, jibda Pontifikali Solenni mill-Arċisqof Emeritu, Pawlu Cremona, sabiex jitfakkar il-55 Anniversarju mill-Inkurunazzjoni.

Il-festi ta’ din it-tmiem il-ġimgħa huma preludju għall-Ġużeppini Rabtin li se jwassalhom għad-19 ta’ Marzu, il-Festa tal-Patrijarka San Ġużepp.