Għawdex Lokali

RITRATTI: “It-tfal bdew iċemplulu u ma qabduhx”

Sorsi qed jgħidu li ż-żewġ persuni ilhom mejtin minn nhar it-Tlieta

Kmieni wara nofsinhar il-Pulizija f’Għawdex ġew infurmati b’żewġ kadavri li ntlemħu f’kamra fi Mġarr ix-Xini.

Il-kadavri huma ta’ koppja – mara u raġel – li instabu mejta f’kamra għall-ħabta tas-13:30. Jirriżulta li l-vittma, Paul Muscat, hu kaptan mal-kumpanija Gozo Channel u llejla kellu jkun xogħol.

Paul Muscat

Ir-raġel hu missier ta’ żewġt itfal, residenti f’Tas-Sannat u għandu 59 sena waqt li l-mara hi Ingliża, u għandha 52 sena.

Ritratt: Diane Ainsley

Sorsi qalulna li l-mewt kienet kaġun ta’ ħruġ ta’ gass. Sadattant fil-post wasal il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri, kif ukoll diversi esperti li qed jassistuha fl-investigazzjonijiet b’rabta mal-Inkjesta Maġisterjali.

Għalissa t-toroq kollha li jagħtu lejn din iż-żona jinsabu magħluqa għat-traffiku.

Siti tal-aħbarijiet differenti qed jirrappurtaw illi l-koppja kienu jużaw din il-boathouse bħala residenza. Oħrajn qed jgħidu li l-kadavri tal-vittmi ilhom f’dan l-istat tliet ijiem.

Fil-fatt, it-tfal kienu ilhom minn nhar it-Tlieta jċemplu lil missierhom, imma ma qabduhx. Dakinhar filgħodu hu kien l-aħħar xogħol u huwa maħsub li dan kien l-aħħar li deher. Muscat suppost kellu jidħol xogħol fuq il-vapuri illejla.