Sport Waterpolo

Persważ li jekk inkunu fl-aqwa tagħna nistgħu noħorġu rebbieħa – Karl Izzo

Mix-xellug: l-assistent kowċ Anthony Farrugia, il-kowċ nazzjonali Karl Izzo, il-President tal-ASA Joe Caruana Curran u l-Viċi President tal-Waterpolo Karl Galea
Il-logħba tintlagħab għada fl-4.00pm fil-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq

L-eċċitament għat-tieni leg tal-play-offs għall-Kampjonat Ewropew bejn Malta u l-Belarus qed ikompli jiżdied hekk kif hu mistenni li l-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq tilqa’ fiha numru kbir ta’ spettaturi. Dan l-eċċitament iżda li jdur f’determinazzjoni, hu espress fl-ASA, fl-istaff tekniku u l-plejers li se jkun preparati biex joffru prestazzjoni li tagħti riżultat finali pożittiv.

F’konferenza stampa lejliet il-logħba l-kowċ nazzjonali Karl Izzo qal li fl-ewwel logħba sabu klima li mhux imdorrija jilagħbu fiha, b’attendenza ta’ aktar minn elf ruħ f’pixxina magħluqa. Hu qal li kellhom l-ewwel sessjoni u nofs impekkabbli iżda wara xi episodji kien hemm kroll psikoloġiku.

Madankollu hu jemmen li jekk it-tim ikun fl-aqwa tiegħu jistgħu joħorġu rebbieħa mil-logħba, fejn saħaq li l-Belarus hu tim tampar Malta. “Dejjem hemm il-gowl li trid tiġri warajh, iżda preparajna tajjeb ħafna,” kompla l-kowċ nazzjonali.

Karl Izzo kompla li huma raw il-filmat tal-logħba li għaddiet fejn tħarrġu fl-attakk u fid-difiża u jittama li n-nies jagħtu l-ispinta neċessarja hekk kif fil-Belarus ċertu deċiżjonijiet mir-referees ittieħdu favur it-tim li kien f’dahru.

L-iskwadra se tkun dik li lagħbet ġimgħa ilu fil-Belarus bl-inklużjoni ta’ Nicholas Bugelli li kien ma jiflaħx fil-logħba l-oħra. Il-captain Stevie Camilleri mistenni li jilgħab il-logħba kif previst, wara li weġġa’ fl-aħħar logħba u għamel kważi nofs il-logħba nieqes.

Izzo qal li tħarrġu bil-possibbiltà li Matthew Zammit f’xi ħinijiet ma jkunx fiċ-ċentru tal-attakk u jidħlu plejers bħal Jeremy Abela u Zach Mizzi fin-nofs, bit-tama wkoll li t-tim Malti jkun eqreb biex jgħaddi l-ballun minn dawk li jissejjħu position 1 u position fuq in-naħa leminija tal-pitch.

It-tim Malti tilef l-ewwel leg 8-7 u biex jikkwalifika jrid jirbaħ b’distakk ta’ żewġ gowls. F’każ li t-tim jirbaħ b’vantaġġ ta’ gowl, il-logħba tkun deċiża bl-għoti tal-penalties.

Skwadra: Nicky Grixti (Sirens), Nicholas Bugelli (Sliema), Andreas Galea (San Ġiljan), Darren Zammit (San Ġiljan), Jeremy Abela (Neptunes), Matthew Zammit (San Ġiljan), Stevie Camilleri (Neptunes), Jordan Camilleri (Neptunes), Ben Plumpton (San Ġiljan), Aurelien Cousin (Exiles), Zach Mizzi (Sliema), Dino Zammit (San Ġiljan), Jake Tanti (San Ġiljan)