Il-Pulizija fi New Zealand se jevalwaw mill-ġdid il-kumplott ta’ adolexxenti biex joqtol ir-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra waqt żjara li hi kienet għamlet fil-pajjiż, fl-1981. Dan wara li dokumenti sigrieti konfermaw ‘kemm ir-Reġina kienet viċin li tkun assassinata’ fiż-żmien partikulari.
Uffiċjal ewlieni tal-pulizija se jmexxi l-investigazzjoni dwar il-case files rigward Christopher John Lewis li kien spara tir minn azzarin lejn ir-Reġina meta hi, f’Ottubru tal-1981, kienet għaddejja, bil-karozza, mill-belt ta’ Dunedin. Dak iż-żmien, il-pulizija kienet imminimizzat l-inċident permezz ta’ versjoni li kienet ‘ħafna anqas allarmanti’ mill-vera fatti.
Lewis, li kien għad għandu 17 il-sena meta seħħet l-isparatura, qatt ma kien akkużat dwar tradiment jew attentat ta’ qtil, filwaqt li spiċċa kundannat b’konnessjoni ma’ reat ferm anqas gravi.
Intant, Lewis, fl-1997, spiċċa joqtol lilu nnifsu fil-ħabs ta’ Mt Eden, f’Auckland u dan wassal għal allegazzjonijiet dwar cover-up mill-Pulizija ta’ New Zealand. L-ispekulazzjoni kibret wara li ċerti dokumenti deklassifikati spiċċaw f’idejn il-websajt tal-aħbarijiet ‘Stuff’ ibbażat fi New Zealand.
Id-dokumenti jikkonfermaw li l-pulizija u l-membri tal-pubbliku ( dakinar tal-isparatura) kienu semgħu ‘ħoss li ħasbuh li kien tir ta’ arma’. Dokument ieħor qal li ‘kienet kbira l-possibbiltà li xi ħadd spara arma fil-viċinanza tar-Reġina’. Intant, il-pulizija kienu rkupraw azzarin tat-tip .22 ( li sa ftit qabel kien intuża għal sparatura) mill-ħames sular tal-bini ‘li kien għażel Lewis għall-attentat’.
//= $special ?>

