10 snin minn mindu bdiet il-blog tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia saret velja għall-istess ġurnalista li nqatlet b’karozza bomba f’Ottubru tas-sena l-oħra.
Dawk preżenti mxew mill-Parlament għal quddiem il-Qorti fejn urew messaġġi u ritratti mill-blogg tagħha u li fuhom kitbu wkoll il-kliem Tolleranza Żero għall-Korruzzjoni.
Il-velja kienet organizzata mill-gruppi l-Kenniesa u minn Reporters Without Borders quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta.
Fi tmiemha, dawk preżenti ngħaqdu f’għajta għall-ġustizzja u kontra l-impunità.
Preżenti kien hemm Rebecca Vincent, id-direttur ta’ Reporters Without Borders, organizzazzjoni li taħdem favur il-libertà tal-istampa.
Filwaqt li tinsab Malta, hi qed tinvestiga n-numri ta’ libelli kontra Daphne Caruana Galizia, fosthom dawk li saru mill-Prim Ministru Joseph Muscat, mill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Iżda f’intervista li tat fl-aħħar jiem, hi kkritikat il-fatt li f’pajjiżna mhux titħalla twettaq xogħolha hekk kif il-Kummissarju tal-Pulizija baqa’ ma weġibx għat-talba tagħha li tiltaqa’ miegħu.
Matul il-velja, Vincent wegħdet li se tibqa’ taħdem biex il-memorja u x-xogħol ta’ Daphne Caruana Galizia jinżammu ħajjin.
//= $special ?>