Jaromír Čižnár, il-Prosekutur Ġenerali tas-Slovakkja, f’konferenza tal-aħbarijiet fi Bratislava lbieraħ, kellu kliem iebes għal dak li ġara nhar il-Ħadd li għadda f’pajjiżu meta Jan Kuciak, ġurnalist investigattiv u l-għarusa tiegħu Martina Kusnirova, instabu maqtula fid-dar tagħhom.
Čižnár qal: “Din mhix Malta, din mhix ir-Russja, fejn joqtlu ġurnalisti… aħna qegħdin fis-Slovakkja u sakemm jien nibqa’ f’din il-kariga se nara li affarijiet bħal dawn ma jerġgħux isiru.” Din l-istorja ġiet rappurtata mill-gazzetta In-Nazzjon.
Il-Prosekutur Ġenerali kien qed ikellem lill-ġurnalisti Slovakki dwar il-qtil ta’ wieħed minnhom. Dan il-qtil ġab lill-ġurnalisti Slovakki aktar qrib ta’ xulxin tant li wara dan id-delitt il-gazzetti kollha komplew jidħlu fid-dettall ta’ rapporti rigward korruzzjoni li Kuciak kien qed jaħdem fuqhom.
Osservaturi li kkummentaw dwar dak li qal il-Prosekutur Slovakk huma tal-fehma li din l-istqarrija iebsa turi bl-aktar mod ċar x’reputazzjoni ħażina Malta qed tiffaċċja, l-aktar wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru li għadda.
Il-qtil ta’ Kuciak qed jintrabat ħafna ma’ rapporti li hu kien jikteb fuq il-websajt Slovakka tal-aħbarijiet Aktuality.sk dwar il-konnessjoni ta’ nies fil-Gvern ta’ pajjiżu ma’ esponenti ta’ Mafja Taljana.
Sadanittant is-sit elettroniku euobserver qal ilbieraħ li ftit ta’ snin ilu l-Europol kienet stqarret li l-formazzjoni mafjuża ’Ndrangheta tmexxi skema ta’ ħasil ta’ flus li tammonta għal żewġ biljun ewro permezz ta’ kumpaniji tal-imħatri f’Malta.
Dwar il-każ tal-qtil tal-ġurnalist investigattiv Slovakk, diġà rriżenjaw il-Ministru tal-Kultura u żewġ uffiċjali tal-Gvern waqt li issa qed tissaħħaħ is-sejħa biex jirriżenja wkoll il-Ministru tal-Intern.
//= $special ?>