Kultura Lokali Mużika

RITRATT: Joseph Vella kien rebaħ il-Malta Song Festival fl-1964

Joseph Vella fil-Malta Song Festival
Rapport f'In-Nazzjon b'kitba u riċerka ta' Noel D'Anastas

Fis-sittinijiet Joseph Vella kien figura interessanti waqt l-ewwel edizzjonijiet tal-Malta Song Festival organizzat miż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara. Kien ikanta bl-isem ta’ Joe Vella kif ħafna baqgħu jafuh fil-ħajja ta’ kuljum.

Skont il-kritiċi ta’ dak iż-żmien, fosthom Fred Barry, ġurnalista awtorevoli li fis-sittinijiet kien jaħdem fil-kamra tal-aħbarijiet ta’ Mabel Strickland jirraporta għal The Times of Malta u jfaħħar il-vuċi soda tiegħu kif ukoll il-kanzunetti miktuba minnu stess. Bosta kienu l-kantanti ta’ dik l-era li kkumentaw li Joe Vella kellu vantaġġ f’dan il-festival peress li kien qed jikteb il-kanzunetti għalih stess – “kien jaf sew il-vuċi għal min irid jinterpreta – il-vuċi tiegħu stess”. U dan xehed l-unuri miksuba fl-aqwa postijiet kull meta kkompeta. Il-kanzunetti li kiteb u interpreta kienu kollha bit-Taljan.

L-ewwel darba li ħa sehem fil-Malta Song Festival kien fit-tieni edizzjoni, dik tal-1961 li kien sar fir-Radio City l-Ħamrun. Ma rnexxilux jirbħu iżda rnexxielu jikklassifika fit-tielet post. Dan għamlu flimkien ma’ Emily Cauchi, bil-kanzunetta Tutto Di Te miktuba minnu stess. Fis-sena ta’ wara jikklassifika fit-tieni post flimkien ma’ Emily Cauchi & Four Stars li kienu erba’ kantanti Għawdxin bil-kanzunetta tiegħu stess Come Se Mai.

Il-Malta Song Festival tal-1964 kien wieħed indimentikabbli għalih. Bil-kanzunetti tiegħu, Io Che Ti Voglio Cosi’ u Amor Sei Tu jikklassifika fl-ewwel u fit-tielet post rispettivament, fejn hu jagħmel dan flimkien ma’ Carmen Schembri. Din l-edizzjoni kienet saret f’Novembru fl-istudios ta’ Television Malta. Fis-sitt edizzjoni, dik tal-1965, Joe Vella jikklassifika fit-tielet post b’Confessio.

Wara li ma baqax ikanta, Mro Joseph Vella kemm-il darba kien direttur tal-orkestra ta’ dan il-festival, fosthom fl-1969 flimkien mas-Surmast Paul Arnaud.

Il-popolarità li kellu Joe Vella fost l-aqwa kantanti ta’ nofs is-sittinijiet tista’ tkun konfermata mill-magażin mużikali u soċjali immirat għaż-żgħażagħ ta’ dak iż-żmien, il-Glamor. Il-ħarġa ta’ Jannar 1965 titlob il-qarrejja jivvutaw għall-aħjar grupp u kantant sew lokali kif ukoll barrani. Ir-riżultat jikklassifika lil Tony Agius, Carmen Schembri, Enzo Gusman u Agatha Vassallo fost l-aktar kantanti popolari, segwiti minn Joe Vella, Stella Cordina, Tony Giorgio, Carmen Scerri, Joe Grech u Mary Spiteri li dak iż-żmien kienet għadha fil-bidu tal-karriera tagħha. Dan jixhed kemm kien diġa popolari għalkemm kien għadu fil-bidu tiegħu.

Joe Vella kiteb diversi kanzunetti għal bosta kantanti magħrufa fosthom Mary Spiteri u Maryrose Mallia li għal din ikkompona Ir-Rajjes tad-Deżert fuq versi ta’ Albert Marshall, kanzunetta li nħarġet bħala diska mat-tikketta PRBC fl-1976.

Il-ġurnal awtorevoli Amerikan The Billboard tal-ħarġa tas-27 ta’ Ottubru 1973 jirraporta dwar il-festival internazzjonali ta’ Castlebar fl-Irlanda b’mod partikolari fuq il-kanzunetta The Opposite Ends of the World, ballad melodiku miktub minn Joseph Vella u interpretata minn Mary Spiteri li ġabet 41 punt, punt inqas mill-kanzunetta rebbieħa, dik tal-Ingilterra I’m Gonna Make it kantata minn Joe Cuddly. Il-festival prestiġjuz li għalina l-Maltin kien ħa post il-Eurovision Song Contest peress li f’dik is-sena ma bqajniex nieħdu sehem, kien attira mal-1000 kanzunetta sottomessa minn 39 pajjiż.

The Billboard jirrimarka li l-kanzunetta We’ll kiss like true friends ukoll miktuba minn Joseph Vella u interpretata minn Mary Spiteri kienet konsidrata fost l-aħjar kanzunetti li ma klassifikawx. Fis-sena ta’ wara, l-istess ġurnal Amerikan jagħti prominenza lil dan il-festival u jħabbar li f’Ottubru 1974, Little Bits of Thoughts miktuba minn Vella u interpretata minn Mary Spiteri rebħet il-kategorija tal-pop.

F’Ottubru tal-1974, fit-Teatru Manoel kien ittella’ l-ewwel rock opera Maltija Dream? miktuba minn Joey Chircop, David Agius u Anton Grech. L-orkestra ffurmata minn 17-il mużiċist, kienet diretta mis-surmast Joseph Vella. Enzo Gusman li kanta l-parti prinċipali flimkien ma’ diversi kantanti oħra lokali, fosthom Tony Camilleri ‘Il-Bayzo’ li miet ftit tal-jiem ilu, jirrimarka li l-orkestra kienet eċċellenti taħt is-Surmast Joseph Vella, “wieħed mill-idoli tiegħi”.

Ritratt: Joseph Vella waqt l-interpretazzjoni tal-kanzunetta Io che ti voglio cosi miktuba minnu stess waqt ir-raba’ edizzjoni tal-Malta Song Festival fl-1964. Ritratt meħud mill-ktieb “Joseph Vella, A Life for Music” li jinsab għall-bejgħ b’donazzjoni ta’ €10 mill-Ħaġar Museum