Numru kbir ta’ Sirjani ħarbu mil-Lvant ta’ Ghouta – subborg viċin Damasku – li hu kontrollat mir-ribelli, meta kompla l-assedju mill-qawwiet tal-Gvern fuq l-inħawi. Dan waqt li s-sitwazzjoni hemmhekk kienet imfissra bħala ‘agħar minn kritika’.
Il-militar tal-President Sirjan, Bashar al-Assad, jidher li qed iżid il-pressjoni fuq diversi fronti bil-għan li jieħu lura l-kontroll sħiħ tas-subborg inkwistjoni. Intant, osservaturi Sirjani qalu li l-qawwiet ta’ Assad, fi tmiem il-ġimgħa, ħatfu lura talanqas 10 fil-mija mit-territorju tal-Lvant ta’ Ghouta.
Qed jiżdied l-inkwiet dwar il-kriżi umanitarja f’dik iz-zona meta konvoj tal-għajnuna tan-Nazzjonijiet Uniti ma setax jidħol fl-inħawi biex iwassal provvisti tal-emerġenza lill-aktar residenti fil-bżonn. In-NU qal li ma kisibx il-permess mingħand uffiċjali Sirjani biex it-trakkijiet jidħlu bl-għajnuna umanitarja fil-belt ta’ Douma.
Hu kalkulat li madwar 393,000 persuna spiċċaw iżolati u maqbudin fil-Lvant ta’ Ghouta, meta l-assedju jidher li se jkompli għal żmien indeterminat.
Sadanittant, la l-waqfien mill-ġlied ‘temporanju’ li talbet ir-Russja ( l-alleata kbira ta’ Assad) u lanqas l-appelli għal waqfien mill-ġlied totali fis-Sirja min-naħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ma ssarrfu f’nifs għall-poplu fil-Lvant ta’ Ghouta.
//= $special ?>

