Lokali

‘Fabbrika tal-kanċer’ b’inċeneratur li jaħraq il-plastik

Residenti tal-Madliena, Baħar iċ-Ċagħaq, Ħal Għargħur, in-Naxxar, is-Swieqi u Pembroke serjament imħassbin

Kollox qed jindika li l-pjan tal-gvern ta’ Joseph Muscat li sal-2023 jinbena inċeneratur fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, preċiżament fl-Għallies biswit il-Madliena, biex jaħraq l-iskart muniċipali, se jinkludi wkoll il-ħruq tal-plastik.

Kien il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera li ħabbar li se jinbena dan l-inċeneratur biex itaffi mill-problema ta’ skart li dejjem qed tikber u li dan il-Gvern qata’ qalbu li jsolvi tant li se jmur kontra dak li kien jgħid Joseph Muscat qabel l-elezzjoni tal-2013 meta kien kontra li f’Malta jinbena inċeneratur.  Iżda issa jidher li mhux talli għamel U-Turn storika oħra, iżda l-Kabinett ta’ Joseph Muscat beħsiebu jċedi u jaċċetta inċeneratur li minbarra skart muniċipali jaħraq ukoll il-plastik.

Minkejja li l-inċeneraturi moderni llum saru jillimitaw ħafna l-emissjonijiet tossiċi fl-arja, imkien fid-dinja ma jeżisti inċeneratur li jaħraq il-plastik mingħajr ma jagħmel ħsara lis-saħħa tal-bniedem. Kien għalhekk li gvernijiet Nazzjonalisti qatt ma ċedew għal din l-isfida u minflok introduċew il-liġijiet u l-infrastruttura kollha meħtieġa biex il-plastik, u skart ieħor, jiġi riċiklat.

Iżda l-Gvern ta’ Joseph Muscat falla fil-miri ta’ riċiklaġġ stabbiliti minn gvernijiet ta’ qablu u issa huwa kkonfermat li Malta mhux se tilħaq il-miri tal-UE li jitnaqqas l-iskart sal-2020.  Kawża ta’ dan, Malta se teħel multi kuljum għaliex ma lħaqniex dawn il-miri.

Hu għalhekk li l-Gvern Laburista qed jipprova jinnegozja miri ġodda għal Malta sakemm jibni l-inċeneratur fl-2023. Fost l-iskużi li qed iġib il-Gvern ta’ Joseph Muscat, hemm li ċ-Ċina, li sal-lum tixtri l-akbar ammont ta’ skart riċiklat mid-dinja, issa se tieqaf minħabba li qed tiġġenera biżżejjed skart domestiku għall-inċeneraturi tagħha. B’hekk, il-Gvern Laburista ddeċieda li jaħraq l-iskart tal-plastik f’Malta minflok ma jesportah.

Dwar dan kollu, il-Gvern ta’ Joseph Muscat jinsab sieket għall-aħħar u ma jridx jammetti li l-unika mod biex f’Malta jsir inċeneratur huwa billi l-ammont ta’ skart li għandu bżonn biex ikun vijabbli, hu li jinħaraq fih ukoll il-plastik. Sorsi fl-industrija qalu lil il-mument li minħabba f’dan il-fatt, il-gvern qed jitlob li t-tender għall-inċeneratur tkun iebsa ħafna fejn jidħol il-ħruq tal-plastik, iżda l-istess tender mhux se jeskludi li jinħaraq il-plastik.

Qed isejħulu sors ġdid ta’ enerġija

Fil-fatt, il-Gvern qed jipprova jpinġi dan l-inċeneratur bħala sors ġdid ta’ enerġija billi tinġabar is-sħana kollha li tiġi ġġenerata minflok ma tinħeles fl-arja. Iżda l-istudji kollha possibbli juru li għalkemm l-inċeneraturi moderni avvanzaw, xorta mhux kapaċi jiġbru l-emissjonijiet kollha jekk taħraq il-plastik.

Jekk tgħaddi tal-gvern ta’ Joseph Muscat u jibda jinħaraq il-plastik fl-inċeneratur, f’Malta jkollna verament ‘fabbrika tal-kanċer’ kif kien jiddeskrivi l-powerstation tal-BWSC Muscat meta kien Kap tal-Oppożizzjoni biex wara ħallieha taħdem għal erba’ snin sħaħ.

Mard serju minħabba l-ħruq tal-plastik

Il-ħruq tal-plastik iwassal għal mard kroniku u serju ħafna. Studji internazzjonali juru kif l-emissjonijiet mill-ħruq tal-plastik iwasslu għal ażma, mard fin-nervituri, irritazzjonijiet fil-ġilda u kanċer. Hemm ukoll studji li jargumentaw li tant tnaqqsu l-emissjonijiet minn inċineraturi moderni li l-effett fuq il-bniedem mhux wieħed kbir. Iżda dawk li huma imwerwrin mill-inċenerazzjoni tal-plastik isostnu li ma jagħmilx sens li Malta żżarma s-sistema ta’ riċiklaġġ li għandha biex tibda taħraq kollox anke l-plastik.

Hemm kunsiderazzjonijiet oħrajn li jridu jitqiesu qabel ma nħallu l-gvern ta’ Joseph Muscat jibda jaħraq il-plastik fl-inċeneratur. Min se jidħol għal dan l-investiment ta’ miljuni kbar ta’ ewro se jorbot lill-kunsilli lokali kollha biex jibdew jipprovdu tant skart fil-ġimgħa. Dan se jżid pressjoni fuq kemm niġġeneraw skart u minflok ma tissaħħaħ il-politika favur inqas skart, il-gvern se jkollu jibda jħeġġeġ lill-familji biex jiġġeneraw iżjed skart ħalli nitimgħu l-inċeneratur privat li se jinbena fl-Għallies.

Ikollna nżidu l-iskart biex nitimgħu l-inċeneratur

F’pajjiżi oħrajn qam id-dibattitu li l-gvernijiet spiċċaw jagħtu incentivi biex jiġi ġġenerat iżjed skart waqt li nbiddlu liġijiet apposta biex jippermettu skart iżjed goff ħalli jkun jista’ jinħaraq iżjed skart biex jagħmel l-inċeneratur vijabbli. Dan joħloq ċirku vizzjuż fejn minflok ma nnaqqsu l-iskart fil-komunità, nispiċċaw inżiduh.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-ġimgħa li għaddiet, żewġ Deputati tal-gvern inqabdu bla kliem meta ġurnalist ta’ Net News staqsa dwar il-ħruq tal-plastik fl-inċeneratur li jrid jibni l-gvern ta’ Joseph Muscat. Huwa ċar li l-Gvern se jkollu jċedi għall-pressjoni ta’ min mistenni jieħu dan il-proġett meqjus bħala minjira tad-deheb, u f’Malta jibda jinħaraq il-plastik għad-detriment tas-saħħa tal-Maltin.

Aktar aħbarijiet relatati:

FILMAT: Jiċċassaw quddiem mistoqsija ta’ NET News