Lokali

FILMAT: Familji bi tfal jgħixu f’kerrejja qalb il-biża, l-abbużi u d-droga

"Tant ikollhom kilba għad-droga, li ġieli jittaqbu fit-taraġ tal-komun, bil-possibilta' li jarawhom it-tfal"

Siringi, drogi, remettar, u demm mal-art – dawn huma wħud mix-xeni li jgħixu fihom 48 familja, fosthom tfal, f’kerrejja fil-Ħamrun.

Dawn il-familji fetħu qalbhom magħna dwar kif ma jħossuhomx komdi ġo djarhom stess. Għas-sigurta’ tagħhom – fil-filmati għażilna li ngħattu l-identita’ tal-persuni li tkellmu magħna.

Il-familji li tkellmu magħna qalulna li kemm-il darba ġew wiċċ imb’wiċċ ma’ persuni li ma joqgħodux f’din il-binja – fejn dawn jikru dan il-flat tal-Gvern mingħand persuna li jinsab rikoverat Monte Karmeli għal prezz ta’ €150 ta’ żewġ iljieli, biex hemmhekk jabbużaw mid-droga. Dan il-flat hu dejjem miftuħ, hekk kif il-bieb hu sgassat.

Ir-residenti li tkellmu magħna qalulna li huma kemm-il darba ltaqgħu ma’ dawn il-persuni li jiġu jużaw dan l-appartament tal-Gvern, u saħansitra jarawhom mexjin fil-komun tagħhom taħt l-effett tad-droga. Ħafna mid-drabi qalulna li tant telibhom il-kilba għad-droga, li ġieli jittaqbu f’nofs it-taraġ tal-binja tal-Gvern – bit-tfal jistgħu jaraw din ix-xena. Darba minnhom residenta qaltilna li tant ikunu taħt l-effett tad-droga li jħabbtu l-bibien tad-djar għax jaħsbu li dak hu l-appartament li jkunu ħadu b’kirja biex jabbużaw – jiġifieri lanqas jgħarfu l-post li jkunu qegħdin fih. Residenta oħra qaltilna li ħafna mid-drabi jħabbtu l-bibien jitolbu għal-lighter biex ikunu jistgħu jqabbdu s-sigarett bid-droga.

Qalulna li sa dakinhar stess li morna nitkellmu magħhom, il-familji li jgħixu fil-kerrejja kellhom ikeċċu lil persuna li kien taħt l-effett tad-droga. Wara li saru numru ta’ rapporti lill-Awtorita’ tal-Housing u l-Pulizija, xorta waħda ħadd ma tfaċċa f’din il-kerrejja biex jgħin lir-residenti li qegħdin jgħixu din ir-realta’. Ħlief għal dakinhar, meta rnexxielhom joħorġu lill-persuna li kienet taħt l-effett tad-droga, u wara ġew il-Pulizija u ħaduh magħhom l-għassa tal-Pulizija. Ir-residenti qalulna, u b’rabja staqsew meta se tittieħed azzjoni dwar dan kollu, meta ssir xi traġedja?

Saħansitra, qalulna wkoll li darba minnhom huma salvaw ħajja hekk kif irnexxielhom iċemplu għall-għajnuna fil-ħin. Iżda minkejja talbiet ripetuti biex xi ħadd jismagħhom, ħadd mhu jieħu azzjoni.

Omm fil-kerrejja kellmitna dwar il-biża tagħha, hekk kif qabel it-tfal kienu jitħallew jilgħabu fil-komun tal-binja stess u llum dan ma jistax iseħħ. Illum il-ġurnata din l-omm tibża tibgħat lit-tifel tagħha jixtri waħdu.

Irrabjati għas-sitwazzjoni, ir-residenti riedu jwasslu messaġġ wieħed – dak li huma ħaqqhom jgħixu ħajja aħjar mingħajr dawn il-perikli fuq l-għatba tal-bieb ta’ darhom. Ir-residenti tennew li huma jridu jagħmlu minn kollox biex jipproteġu lit-tfal u l-anzjani tagħhom – u din is-sitwazzjoni ma tistax tibqa’ sejra aktar għall-agħar milli diġa’ hi.