“Mhux biżejjed li l-Prim Ministru Joseph Muscat jitkellem dwar ir-riformi fil-Kostituzzjoni, meta imbagħad aġenzija tal-Gvern li taqa’ taħtu stess ilha tikser il-liġi elettorali għall-aħħar 18 il-xahar. Il-ħabi ta’ dettalji importanti minn Identity Malta lill-Kummisjoni Elettorali dwar ċittadini Maltin li għandhom ukoll dritt għall-vot mhux biss qed isir bi ksur tal-liġi iżda ma jirrispettax il-prinċipji tad-demokrazija’ Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta indirizza attività politika f’San Ġwann, fejn ħabbar li l-Partit Nazzjonalista huwa kostrett biex għal darb’oħra jieħu l-każ il-Qorti biex jiddefendi d-drittijiet tiegħu u s-saltna tad-dritt.
Identity Malta ilha għall-aħħar 18 il-xahar taħbi informazzjoni importanti dwar dawk bi dritt għall-vot. Din l-informazzjoni bil-liġi għandha suppost tkun disponibbli għall-Kummissjoni Elettorali u għall-partiti politiċi. L-Aġenzija Identity Malta qegħda kontinwament tikser il-liġi meta qed tirrifjuta li tgħaddi l-informazzjoni kollha dwar iċ-ċittadini li għandhom dritt għall-vot f’pajjiżna u minflok tagħżel hi id-dettalji ta’ min trid tgħaddi lill-Kummisjoni Elettorali. Kemm il-Kummisjoni Elettorali kif ukoll il-Partit Nazzjoanlista lmentaw dwar dan iżda baqgħu jiġu kontinwament injorati. X’qed taħbi din l-aġenzija? Għaliex il-Kummisjoni Elettorali se tibqa ma’ tieħux passi kontra dan il-ksur sfaċċat tal-ligi?, staqsa Adrian Delia.
Dr Delia qal li f’demokrazija huwa importanti li kemm il-poplu kif ukoll il-partiti politiċi jingħataw is-serħan tal-moħħ li l-proċess tal-għażla jkun wieħed nadif anke billi jkollhom fiduċja sħiħa fil-lista tal-persuni li jingħataw id-dritt tal-vot. Joseph Muscat bl-għebusija tar-ras tiegħu qed jhedded dan id-dritt bażiku fid-demokrazija. Għal darb’oħra se jkun il-PN li se jieħu passi biex jiddefendi d-demokrazija.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista reġa’ sostna kif ġimgħa wara ġimgħa l-Gvern qed jonqos milli jserraħ ras il-poplu Malti dwar sens ta’ nuqqas ta’ sigurtà li ħareġ biċ-ċar fost il-Maltin u l-Għawdxin fl-aħħar Ewrobarometru. In-nuqqas ta’ sigurtà qed tinħass fost ir-residenti ta’ bosta lokalitajiet fosthom il-Marsa, l-Floriana u San Pawl il-Baħar. Dr Delia qal li l-Gvern sab flus biex jagħti €50 miljun rigal lil Vitals iżda mhux isib flus biex jarma lill-Pulizija bl-aħjar fil-ġlieda kontra l-kriminalità.
Adrian Delia enfasizza kif din in-nuqqas ta’ sigurtà qed tinħass ukoll f’setturi differenti oħra fosthom l-edukazzjoni. In-nuqqas ta’ sigurtà qed tinħass fl-iskejjel, bl-aħħar każijiet ta’ inċidenti u attakki li saru fuq l-għalliema. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li Joseph Muscat għandu d-dmir li jassigura li fl-iskejjel ikun hemm is-sigurtà u mhux ifarfar minn din ir-responsabbilità. Dr Delia qal li l-Gvern mhux jagħti l-appoġġ u r-riżorsi kollha lill-edukaturi u kif ħareġ minn studju akkademiku li ġie ppubblikat fl-aħħar jiem, 18% biss tal-edukaturi lesti li jibqgħu jgħallmu jekk jiġu offruti opportunità ta’ karriera ohra. Huwa qal li dan l-istudju jrid jittieħed fid-dawl tal-ftehim mall-għalliema li l-maġġoranza tal-edukaturi jqisuh l-ftehim bhala wiehed ferm ‘il bogħod minn dak li stennew huma.
Segwi d-diskors sħiħ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia:
//= $special ?>