Lokali

Gvern bla viżjoni għas-settur tal-iskart

Jistenna s-soluzzjonijiet mingħand il-Partit Nazzjonalista

Il-Prim Ministru Joseph Muscat irid jibni l-inċineratur mingħajr ma saru ebda studji fuq l-impatt ambjentali li dan jista’ jħalli.

Fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Green Initiatives, Jason Azzopardi ingħad li din turi nuqqas ta’ rieda min-naħa tal-Gvern li se jarmi l-isforzi kollha li saru matul is-snin sabiex jiżdied ir-riċiklaġġ u dan b’detriment għall-green economy u l-impjiegi f’dan is-settur.

Joseph Muscat kellu joħloq politika b’viżjoni dwar l-iskart, li tħares ukoll l-ambjent, u l-inċineratur huwa biss ħolqa waħda minn katina ta’ miżuri li setgħu ttieħdu. Il-Gvern qed juri nuqqas ta’ rieda f’dan is-settur tant li kienu ttieħdu miżuri biex tneħħew il-bring-in sites u ċ-ċentri tal-iskart goff spiċċaw jintużaw bħala spazji fejn jinħażen l-iskart.

Joseph Muscat se jerġa’ jdaħħal il-mentalità li m’hawnx bżonn li jsir ir-riċiklaġġ għaliex hemm inċineratur fl-Għallies. Għax m’għandux viżjoni għal dan is-settur, Joseph Muscat issa qed jistenna s-soluzzjonijiet mingħand Adrian Delia u l-Partit Nazzjonalista.