Lokali

Il-Blogger ewlieni tal-Magna Laburista jitħallas €42,000 … minbarra l-onorarja

Il-Blogger u Membru Parlamentari Laburista Glenn Bedingfield gawda minn pakkett finanzjarju ta’ €42,000 fis-sena direttament mill-Uffiċju tal-Prim Ministru. Dan apparti l-€20,000 onorarja bħala membru parlamentari.

Dan ġie rrapurtat f’The Sunday Times of Malta fejn jingħad li filwaqt li Bedingfield ġie elett fil-Parlament b’elezzjoni każwali, bħala membru mis-segretarjat ta’ Joseph Muscat, huwa kien responsabbli milli jassisti u jidraftja r-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari.

Filwaqt li mhux magħruf jekk Bedingfield għadux qed igawdi minn dan il-pakkett finanzjaru, kellux il-kuntratt mġedded, jew saħansitra ingħatax responsabilità oħra – The Sunday Times saħqet li sal-ħarġa tal-lum, l-ex ġurnalist u preżentatur tal-midja laburista ma ta l-ebda risposta għad-domandi li sarulu.

Filwaqt li sorsi qrib dan il-ġurnal spjegaw li għadu jidher f’Kastilja ta’ spiss – il-kuntratt li kiseb fit-3 ta’ Ġunju, 2017, proprju fil-ġurnata tal-elezzjoni ġenerali, huwa dak ta Skala 5 fis-servizz pubbliku u ekwivalenti għal assistent direttur.

Apparti l-paga bħala membru mis-Segretarjat Privat tal-Prim Ministru, hu jgawdi minn diversi benefiċċji fosthom sussidju fuq it-trasport ta’ aktar minn €4,600 fis-sena, u użu tal-mowbajl kompletament imħallas.