Il-captain ta’ Fiorentina u plejer tat-tim nazzjonali Taljan Davide Astori nstab mejjet fil-lukanda fejn kien mal-kumplament tal-iskwadra.
Jirriżulta li l-plejer ta’ 31 sena miet waqt l-irqad, ftit sigħat qabel Fiorentina kellhom jilagħbu barra minn darhom kontra Udinese. Il-logħba flimkien mal-kumplament tal-ġurnata tal-Kampjonat Serie A Taljan, tħassret kawża ta’ dan.
Astori twieled fis-7 ta’ Jannar tal-29187 f’Bergamo u hu beda jilgħab mat-tim lokali ta’ Pontisola.
Hu ffirma l-ewwel kuntratt professjonali tiegħu fl-2002 ma’ Milan. Hu dam ħames snin jilgħab mal-akkademja tar-Rossoneri u fl-istaġuni 2006-7 u 2007-8 lagħab b’self ma’ Pizzighettone u Cremonese, klabbs tas-Serie C1.
Fil-bidu tal-istaġun 2008-9 ingħaqad mat-tim tas-Serie A Cagliari u ddebutta fl-ogħla diviżjoni Taljana fl-14 ta’ Settembru tal-2008 meta dakinhar kien daħal bħala sostitut kontra Siena. L-ewwel gowl tiegħu mat-tim minn Sardinja wasal f’Jannar tal-2010.
F’Lulju tal-2014 hu ngħaqad ma’ Roma b’self għal staġun filwaqt li sena wara ngħaqad ma’ Fiorentina, il-klabb li kien attwalment qed jilgħab miegħu illum-il ġurnata.
Astori libes il-flokk nazzjonali Taljan 14-il darba. Hu kien mgħajjat għall-ewwel darba mat-tim fl-2010 meta dakinhar l-Italja, taħt it-tmexxija ta’ Cesare Prandelli, kienet se tilgħab kontra l-Ivory Coast.
Madankollu dakinhar ma kienx lagħab u d-debutt tiegħu mal-Italja wasal fid-29 ta’ Marzu tal-2011 f’partita ta’ ħbiberija kontra l-Ukrajna.
S’issa għad mhux magħruf x’wassal għall-mewt tal-plejer.