Il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel qed taħseb biex tmexxi r-raba’ Gvern tagħha wara li l-Partit SPD ( Soċjal Demokratiku) fl-Oppożizzjoni vvota favur koalizzjoni kbira oħra f’Berlin.
Il-vot tal-464,000 membri tal-SPD, sadanittant, itemm ħames xhur ta’ staġnar politiku minn wara l-elezzjoni ġenerali ta’ Settembru fil-Ġermanja. Dan wara li l-SPD kellu jikkonfronta diżgwid intern bejn it-tmexxija tal-partit, li kien favur din il-koalizzjoni, u l-fergħa żgħażugħa radikali tiegħu li ma kenitx.
Angela Merkel, li ilha fil-poter għal dawn l-aħħar 12-il sena, bagħtet messaġġ ta’ kongratulazzjoni lill-SPD u sostniet li tinsab ħerqana li taħdem mill-ġdid, flimkien mas-sieħba politiċi, għall-benefiċċju ta’ pajjiżha.
Mas-66 fil-mija tal-votanti tal-SPD approvaw il-kontinwazzjoni tal-koalizzjoni kbira mal-Partit CDU ta’ Merkel, bil-votazzjoni tibqa’ għaddejja tul il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd fil-kwartieri-ġenerali tal-partit, f’Berlin.
Il-kap proviżorju tal-SPD, Olaf Scholz, qal li hu sodisfatt li ‘is-sitwazzjoni qed tiċċara’ u li l-partit tiegħu se jkun qed jifforma parti mill-Gvern li jmiss.
Intant, Volker Bouffier, politiku ewlieni mal-Partit CSU ( Unjoni Soċjali Kristjana) li hu wkoll alleat tas-CDU ta’ Merkel, qal li ‘ir-riżultat tal-vot tal-SPD kien tajjeb għall-poplu Ġermaniż u anki pożittiv għall-futur tal-Istat’.
Il-Kanċillier Merkel, issa, teħtieġ tikkonfronta numru ta’ sfidi importanti, fosthom l-oppożizzjoni mill-elementi radikali tal-Partit Alternattiv għall-Ġermanja (AfD).
L-AfD hu entità politika li topponi lill-immigranti u, f’Settembru, issieħeb fil-Parlament Ġermaniż għall-ewwel darba wara li kiseb ftit aktar minn 12 fil-mija tal-vot popolari.
Fil-fatt, l-AfD illum hu l-akbar grupp tal-Oppożizzjoni fil-Ġermanja.
Min-naħa tiegħu, l-SPD, f’Settembru, kien sofra l-agħar riżultat elettorali fl-istorja u ħafna mill-partitarji tiegħu waħħlu dan fil-koalizzjoni preċedenti li l-partit kien jifforma parti minnha, flimkien mas-CDU u s-CSU.
Angela Merkel, li tilfet 65 siġġu fl-aħħar elezzjoni, kienet falliet fit-tentattivi tagħha biex tifforma alleanza mal-FDP ( id-Demokratiċi Ħielsa) u l-Ħodor.
Intant, il-konferma li se tkompli l-koalizzjoni ‘eżistenti’ f’Berlin anki switilha fejn jidħlu l-konċessjonijiet politiċi, meta l-Ministru ġdid għall-Finanzi — Olaf Scholz — hu membru tal-SPD.
Madankollu, it-tmiem tal-inċertezza f’dan il-pajjiż ( fejn spiċċat ukoll il-possibbiltà ta’ elezzjonijiet ġodda) intlaqa’ tajjeb fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, fejn il-Ġermanja – bħala l-akbar ekonomija tal-Ewropa – għandha influwenza enormi.
//= $special ?>

