L-MEP Laburista Miriam Dalli qed titlef il-kreddibiltà mal-votanti hekk kif tħarriġ ippubblikat fil-MaltaToday juri kif Dalli m’għadhiex il-favorita tal-Laburisti biex tieħu post Joseph Muscat.
Primarjament, l-istħarriġ juri li l-maġġoranza assoluta, jew inkella aktar minn 62%, ma jippreferu lill-ebda persuna minn dawk li qed jissemmew fil-battalja għat-tmexxija.
Dawk li qed jissemmew huma Robert Abela, Miriam Dalli, Chris Ferne u Ian Borg.
Filfatt, Robert Abela, li jidher li għandu l-ikbar appoġġ fost dawn kollha, għandu biss il-fiduċja ta’ 10% tal-votanti. Warajh Miriam Dalli bi 8.5%, anke jekk din għandha l-appoġġ ta’ Joseph Muscat.
Il-mod kif Robert Abela qed jirnexxielu jaqbeż lil Miriam Dalli minkejja l-imbuttatura kbira li qed tingħata minn ħdan il-Partit Laburista, jikkonferma l-mod kif l-MEP Laburista qed tibda titlef il-kreddibiltà u tnaqqas mill-appoġġ għat-tmexxija Laburista.
Dan l-istħarriġ filfatt qed jiġi ppubblikat mill-MaltaToday wara li l-gazzetta il-mument ippubblikat sensiela ta’ stejjer dwar it-taqtiegħa bejn Miriam Dalli u Chris Fearne. Imma għalkemm din it-taqtiegħa qed tintrebaħ minn Miriam Dalli peress li Fearne għandu biss 6.6% tal-fiduċja tal-votanti, xorta qed tħalli konsegwenzi koroh għal Miriam Dalli.
Dan partikolarment fid-dawl tal-fatt li l-ġimgħa li għaddiet, Miriam Dalli nstabet ħatja mill-Qrati Maltin ta’ malafama fuq l-eks Ministru Ninu Zammit.
Ritratt: Id-Deputat Mexxej Laburista Chris Fearne: Il-battalja kontra Miriam Dalli u l-appoġġ li għandu Muscat lejn Miriam Dalli jidher li qed iħallu l-effetti tagħha.