Lokali

Jingħataw passaport Malti avolja huma akkużati bi frodi – jingħataw passaport Malti uliedhom ukoll

Il-Gvern Malti mhux biss ħareġ passaport Malti lil Evgueni u Snezhana Bodishtianu, il-koppja Russa residenti f’Malta li għandha wkoll iċ-ċittadinanza Maltija, iżda wkoll liż-żewġt itfal tagħhom  mingħajr ma sar l-ebda eżerċizzju ta’ due diligence.

Il-koppja Russa aktar kmieni din is-sena reġgħet kienet fl-aħbarijiet grazzi għal aħbarijiet żvelati minn il-mument dwar każijiet ripetuti ta’ frodi, saħansitra fil-konfront tal-Banif Bank li għadu kemm rebaħ kawża favur tiegħu ta’ aktar minn €2miljun.

Kien il-mument tal-Ħadd li għadda li mbagħad żvela kif lil din il-koppja Russa kien inħarġilha passaport Malti wara li kisbet iċ-ċittadinanza Maltija taħt il-gvern Laburista preċendenti.

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissrulna li bosta persuni oħrajn, mir-Russja wkoll, tinqalgħalhom qalbhom meta japplikaw għall-passaport Malti u probabbilment ikollhom jixtruh fl-iskema tal-bejgħ tal-passaporti li nieda Joseph Muscat.

Fil-konfront tal-koppja Bodishtianu l-proċeduri li kienu applikati għalihom biex inħarġitilhom iċ-ċittadinanza Maltija u sussegwentement il-passaport Malti, kienet għalkollox diversa.

Jirriżulta wkoll li l-affarijiet saru f’temp relattivament qasir biex l-erba’ membri tal-familja Bodishtianu ngħatatilhom kemm iċ-ċittadinanza Maltija kif ukoll il-passaport Malti.

Sadattant sorsi oħrajn fil-komunità Russa li fil-jiem li għaddew għamlu kuntatt magħna, qalulna li minbarra każijiet ta’ frodi li l-koppja Russa kellha uffiċjalment fil-Qorti, hemm oħrajn li għal xi raġuni jew oħra ma spiċċawx il-Qorti.

Fost dawn hemm bosta li riedu jdaħħlu lil uliedhom fl-iskola boarding f’San Pawl il-Baħar, u wara li ħallsu sal-inqas ċenteżmu skoprew li din l-iskola ma kenitx se tiftaħ il-bibien tagħha.