Lokali

Jinżammu arrestati fuq akkużi li mexxew ċirku ta’ traffikar tal-bnedmin

Tliet diretturi ta’ kumpanija tat-tindif, JF Group, se jibqgħu arrestati hekk kif qed jaffaċċjaw akkużi ta’ traffikar tal-persuni.

Il-Ħadd il-Qorti fetħet b’urġenza b’Peter, Matthew Peter u Sarah Formosa jwieġbu mhux ħatja tal-akkużi fil-konfront tagħhom.

Huma ġew arrestati l-Ħamis li għadda wara li l-Pulizija u uffiċjali ta’ Identity Malta kixfu allegat ċirku ta’ traffikar tal-persuni, b’madwar 14-il persuna mill-Ażja jixhdu dwar dak li għaddew minnu.

Quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, l-avukat Edward Gatt talab li l-akkużati ma jintbagħtux il-ħabs iżda jinżammu arrestati f’darhom għaliex qal li wieħed mill-akkużati, Peter, qed isofri mil-leukaemia. Qal li bħalma iktar kmieni din il-ġimgħa raġel inħareġ mill-ħabs minħabba problemi fil-kliewi, l-istess għandu jsir f’dan il-każ.

Madankollu l-Maġistrat irrifjutat din it-talba u ħarġet ordni li l-akkużati jintbagħtu fit-taqsima forensika tal-Isptar Monte Karmeli.

Ma kienx hemm oġġezzjoni lanqas li t-Tnejn Peter Formosa jittieħed l-isptar biex ikompli bit-trattament tal-kimoterapija.