Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER: Sliema bla telfa kontra Hibs dan l-istaġun

Sliema reġgħu ħarġu rebbieħa kontra Hibs (Ritratt – Dominic Borg)

Stewart Said

HIBERNIANS…………0
SLIEMA W……………..1

Penalty ftit dubjuż fil-bidu tat-tieni taqsima, spiċċa biex kien id-differenza finali bejn iż-żewġ timijiet. Sliema kisbu rebħa li biha baqgħu mhux megħluba kontra Hibernians dan l-istaġun b’żewġ rebħiet ta’ 1-0 u kwalifikazzjoni fl-FA Trophy.

Partita kwieta li qamet ftit fit-tieni taqsima wara l-azzjoni tal-penalty għal Sliema. Hibernians kienu l-aħjar tim fl-ewwel taqsima iżda wara li spiċċaw minn taħt ma kinux b’saħħithom biżżejjed biex idawru l-logħba, bil-penalty fallut f’nofs it-tieni taqsima kompla jaqta’ saqajhom.

Il-kowċ Slimiż John Buttigieg bidel nofs tim mid-draw kontra Tarxien Rainbows, b’Glenn Zammit jirritorna fil-lasta flok Antonio Cotticelli kif ukoll ir-ritorn ta’ Stefano Biancardi.
Tliet bidliet għal Hibernians mid-draw kontra Naxxar, b’Andrew Hogg, Rodolfo Soares u Giorgi Gorozia jibdew flok Rudy Briffa, Johann Bezzina u Joao Moreira rispettivament.

Bidu kajman tal-logħba bl-ewwel tip ta’ periklu jinħoloq mat-23 minuta b’korner dirett ta’ Lima fuq it-tieni lasta li għadda ftit barra. Minuta wara, Hibernians resqu qrib b’passaġġ ta’ Jurgen Degabriele lejn Joseph Mbong li prova b’xutt b’saħħtu iżda t-tentattiv kien blokkat f’korner.

Aktar azzjonijiet ta’ Hibernians fis-26 minuta b’xutt fuq il-ġirja ta’ Jackson Lima li għadda għoli. Iċ-champions definittivament kienu l-aħjar tim u man-nofs siegħa logħob kellhom azzjoni maħduma tajba, bix-xutt finali ta’ Clayton Failla jkun salvat minn Glenn Zammit.

It-tieni taqsima fetħet bil-kbir hekk kif fid-49 minuta r-referee Clayton Pisani ordna penalty favur Sliema wara li ġġudika li Rodolfo Soares waqqa’ lil Edmond Agius fil-kaxxa, deċiżjoni li qajmet protesti kbar mill-plejers Pawlisti. Mill-11-il metru, Matias Muchardi għeleb lil Hogg b’xutt b’saħħtu.

Ċans għal Sliema li jirduppjaw fis-57 minuta b’Ricardo Correa jgħaddi lejn Frank Temile iżda x-xutt tal-aħħar għadda għoli. Madankollu minuta wara, Hibernians resqu qrib id-draw meta free-kick minn qagħda ċentrali ta’ Clayton Failla għadda jħakkek mal-wieqfa.

Sliema bdew jinfdu lid-difiża avversarja u fit-63 minuta Temile rċieva ballun fl-ispazju u deher li seta’ jikkonkludi, iżda Andrew Hogg ħareġ tajjeb u blokka t-tentattiv.

L-akbar ċans għal Hibernians li jġibu d-draw seħħ fis-66 minuta meta ngħataw penalty għal fawl fil-kaxxa ta’ Kurt Shaw fuq Dunstan Vella. Iżda mill-11-il metru, Glenn Zammit qara d-direzzjoni tax-xutt ta’ Degabriele u salva.

Il-bidliet ta’ Mark Miller kellhom l-għan li jkunu aktar offensivi, iżda kawża ta’ dan, Hibernians bdew ikunu aktar żbilanċjati fid-difiża u Sliema bdew joperaw tajjeb bil-kontrattakki.

Fid-79 minuta Sliema setgħu rdoppjaw meta Hogg salva parzjalment xutt ta’ Correa u mill-viċin it-tentattiv ta’ Jefferson de Assis spiċċa ftit barra, biex ftit sekondi wara l-istess Calisto kellu ċans ieħor, bix-xutt jintemm għoli.

Il-logħba nfetħet aktar u fuq in-naħa l-oħra xutt fil-baxx tas-sostitut Oliveira Neto kien salvat minn Zammit. Seba’ minuti mit-tmiem, Sliema viċin it-tieni gowl, bi free-kick ta’ Edmond Agius li kien imdawwar f’korner b’diffikultà minn Andrew Hogg.