Stewart Said
ĦAMRUN S………….3
SENGLEA A…………0
Tliet gowls fit-tieni taqsima taw it-tieni rebħa konsekuttiva għal Ħamrun Spartans f’rebħa komda ta’ 3-0, tliet punti li bihom Ħamrun komplew isaħħu posthom f’nofs il-klassifika.
Il-logħba ftit kienet eċċitanti b’aktar karti sofor milli azzjonijiet. L-ewwel taqsima kienet aktar bilanċjata, iżda l-gowl fil-bidu tat-tieni taqsima xaqleb il-miżien favur Ħamrun, biex mat-tieni gowl il-logħba ntemmet.
Żewġ bidliet fuq kull naħa mil-logħba preċedenti. Il-kowċ ta’ Ħamrun Jacques Scerri li rritorna fit-tmexxija tat-tim wara s-sospensjoni beda biż-żewġ difensuri ċentrali Tiago Souza de Silveira u Daniel Zerafa li t-tnejn kienu sospiżi. Fuq in-naħa l-oħra Gonzalo Virano u Nicola Palmieri bdew flok Hubert Vella u Rene Caseres.
Ivan Paz prova joħloq l-ewwel periklu tal-logħba fit-13-il minuta, iżda l-free-kick tiegħu għadda fuq il-lasta. Ħamrun appellaw għal penalty fid-29 minuta għal fawl fuq de Castro, iżda r-referee Ishmael Barbara wera l-karta s-safra lill-plejer Ħamruniż.
Ħamrun beda jkollhom aktar pussess tal-logħba iżda ftit kienu perikolużi b’żewġ konklużjonijiet biss sa tmiem l-ewwel taqsima. Fl-34 minuta Lydon Micallef prova b’xutt minn barra l-kaxxa li kien salvat minn Farrugia biex qabel tmiem l-ewwel taqsima, xutt ta’ Alex Nilsson kien imblokkat f’korner.
Ħamrun fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima, bid-difensur Tiago SOUZA DE SILVEIRA jegħleb lil Matthew Farrugia b’daqqa ta’ ras minn korner ta’ Tiago Espindola.
Ftit minuti wara, Ħamrun reġgħu resqu qrib b’xutt b’saħħtu ta’ de Castro li kien blokkat tajjeb minn Farrugia.
L-iżvolta tal-logħba seħħet f’nofs it-tieni taqsima. Senglea sfaw jilagħbu b’raġel anqas wara li r-referee Ishmael Barbara wera l-karta l-ħamra lil Julian Leyton għal daqqa ta’ minkeb lil Alex Nilsson.
Mill-istess azzjoni min-nofs il-grawnd, b’Ħamrun jaqbdu lid-difiża avversarja fuq sieq waħda.
Nilsson krossja perfett mil-lemin lejn Lydon MICALLEF li ma kellux problemi jiskorja b’daqqa ta’ ras.
Ħamrun skorjaw it-tielet gowl fit-80 minuta meta de Castro krossja mil-lemin fejn sab lil Cristian Zaccardo li b’daqqa ta’ ras tajba għeleb lil Farrugia.
Senglea marru viċin il-gowl ta’ konsolazzjoni minuta wara b’xutt mid-distanza ta’ Gregori Braga li ġiegħel lil Steve Sultana jsalva parzjalment u mir-rebound il-gowlkiper Ħamruniż reġa’ salva xutt mill-viċin ta’ Peter Sammut, bid-difiża tbiegħed il-ballun minn fuq il-linja.
//= $special ?>