Il-poplu Taljan ivvota fl-elezzjoni ġenerali wara kampanja dominata mit-tħassib dwar l-ekonomija u l-immigrazzjoni. Ir-riżultati uffiċjali mistennija għal wara nofs il-lejl, bl-osservaturi jgħidu li kien diffiċli biex ibassru r-rebbieħa ta’ taqtigħa daqstant missielta u imprevedibbli.
Intant, il-Partit Demokratiku tax-xellug fil-Gvern; il-koalizzjoni tal-lemin tal-eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi u l-Moviment Cinque Stelle li jopponi l-establishment kollha kienu qed jidhru fiduċjużi mis-suċċess.
L-eks Prim Ministru Berlusconi – il-Kap tal-Partit Forza Italia u alleat mal-Partit Lega Nord li jopponi l-immigrazzjoni — qed jippromwovi lill-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani, bħala l-Prim Ministru Taljan li jmiss. Dan meta l-alleanza ta’ Berlusconi dehret fuq quddiem fl-aħħar stħarriġ, għalkemm mhix mistennija tikseb maġġoranza. L-indikazzjonijiet kienu li l-Partit Cinque Stelle x’aktarx li joħroġ bħala l-aktar b’saħħtu mill-elezzjoni iżda f’dan il-każ isibha diffiċli biex jifforma koalizzjoni.
Silvio Berlusconi, li għandu 81 sena, kien Prim Ministru tal-Italja għal erba’ darbiet. Intant, hu ma jistax jokkupa kariga pubblika qabel is-sena d-dieħla minħabba li kien instab ħati dwar frodi fit-taxxa.
L-issues għall-elettorat Taljan jibqgħu l-ammonti kbar tal-immigranti li qegħdin jaslu f’pajjiżhom, b’waħda mill-wiegħdi elettorali ta’ Berlusconi tibbaża fuq ‘id-diportazzjonijiet tal-massa potenzjali’ .
L-ekonomija tal-Italja, illum, bdiet tikber mill-ġdid iżda l-Prodott Gross Domestiku tal-pajjiż għadu 5.7 fil-mija anqas mil-livell ta’ qabel il-Kriżi Finanzjarja Globali ta’ għaxar snin ilu. Fl-2016, xi 18-il miljun ċittadini Taljan kienu qed jissugraw il-faqar, bil-qgħad fil-pajjiż ikun stabbilit mal-11 fil-mija.
L-Italja hi r-raba’ l-akbar ekonomija tal-Unjoni Ewropea u l-kisbiet potenzjali għall- populisti u l-partiti estremisti tal-lemin qed jinkwetaw lill-osservaturi fl-Ewropa.
//= $special ?>

