Internazzjonali

L-ITALJA MAQSUMA FI TLIETA: Di Maio bl-aktar voti, u Salvini jaqbeż lil Forza Italia

Luigi Di Maio
Il-partit ta' Matteo Renzi jikkrolla

Kollox jindika li l-Movimento 5 Stelle se jkun kiseb 30% tal-voti fl-elezzjoni tal-Ħadd. Minn naħa l-oħra, il-koalizzjoni taċ-Ċentru Lemin kisbet madwar 33% – iżda hawn, il-Lega ta’ Salvini ġabet aktar voti minn Forza Italia.

Irid jingħad li jekk l-exit polls huma korretti, xorta ma jkunx hemm biżżejjed siġġijiet biex Salvini jifforma Gvern. Fuq Facebook, Salvini ħalla messaġġ ‘xott’ li jista’ jfisser ħafna; sempliċiment il-kelma Grazzi.

Siti tal-aħbarijiet internazzjonali qed ibassru li l-Italja riesqa lejn Gvern bla maġġoranza hekk kif aktar kmieni matul il-ġurnata saru l-elezzjonijiet Parlamentari fil-pajjiż.

L-‘exit polls’ li saru malli għalqet l-elezzjoni qed jindikaw li l-ebda partit mhu se jirnexxielu jikseb il-maġġoranza f’din l-elezzjoni.

Dan hekk kif kollox qed jindika li l-koalizzjoni taċ-ċentru-lemin se tirbaħ l-akbar ammont ta’ siġġijiet fil-Parlament Taljan. Il-koalizzjoni taċ-ċentru-lemin hija magħmula mill-partit Silvio Berlusconi ‘Forza Italia’ u l-partit tal-lemin-estrem ‘Fratelli d’Italia’.

It-tieni l-aktar grupp li mistenni jirbaħ siġġijiet hu l-Movimento 5 Stelle waqt li ċ-ċentru-xellug jinsab fit-tielet post. Il-Movimento 5 Stelle xorta aktarx se jkun l-iktar partit fuq livell individwali li se jkun kiseb voti f’din l-elezzjoni.

Sadanittant, il-koalizzjoni ta’ Berlusconi xorta waħda jidher li mhux se jirnexxielha tikseb maġġoranza assoluta ta’ voti, li jfisser aktar inċertezza politika fl-Italja bi Gvern bla maġġoranza.