Xufiera ta’ trakkijiet li jidħlu fil-Magħtab biex jarmu skart mhux qed jingħataw irċevuta għall-ħlasijiet mitluba minnhom.
Xufiera li matul din il-ġimgħa tkellmu ma’ il-mument fissrulna li huma spiss jidħlu fil-miżbla tal-Magħtab biex jarmu trakkijiet mimlija bi skart.
L-ewwel jieqfu fuq il-miżien huma u deħlin fil-miżbla, imbagħad imorru jħottu u wara jerġgħu lura għal fuq il-miżien biex iħallsu tal-iskart – skont it-toqol – li jkunu rmew.
Dawn ix-xufiera spjegawlna li ripetutament fl-aħħar ġimgħat huma ħallsu dak mitlub minnhom iżda ma ngħataw l-ebda riċevuta għal dak li ħallsu. Dwar dan huma għokrithom għajnhom għaliex suppost li għall-ħlas li jagħmlu tingħatalhom irċevuta mhux biss għas-sodisfazzjon tagħhom iżda anki tal-klijenti tagħhom.
Mistoqsija xi jżommhom milli jitolbu din ir-riċevuta dovuta lilhom, dawn ix-xufiera qalulna li huma jippreferu jagħlqu ħalqhom għaliex malajr jispiċċaw bullied minn ħaddiema tal-Wasteserv u darb’oħra, b’xi skuża jew oħra, ma jħalluhomx ibattlu t-trakkijiet tagħhom fil-miżbla.
Jirriżulta wkoll il-fatt li fil-miżbla qed jintefa’ kull tip ta’ skart u l-iskart mhux veru li qed ikun separat. Minkejja l-ħafna paroli u kliem sabiħ tal-Ministru Josè Herrera, il-verità hi li fil-miżbla tal-Magħtab qed jintrema’ minn kull ġeneru ta’ skart… minn terrapien u skart tal-korruzzjoni, għal injam, plastik u skart domestiku.
//= $special ?>