Aaron Farrugia, is-Segretarju Parlamentari stazzjonat Kastilja, hu urtat għall-mod inġust li bih qed jimxu miegħu irjus kbar fl-istess Ministeru tal-Prim Ministru, li kulma jmur, qiegħed ikompli jħoss li filwaqt li hu u ħidmietu qed ikunu mċekkna jekk mhux apposta injorati, qiegħed ikompli jingħata imbottatura d-Deputat Laburista Alex Muscat li hu wkoll jaħdem Kastilja, iżda mhux bhala parti mill-Eżekuttiv tal-Gvern.
Hu sigriet magħruf li filwaqt li Alex Muscat hu fost dawk fdati minn Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Aaron Farrugia mhux fost il-magħżula tal-istess Keith Schembri li jidher, li għandu opinjoni fqira ħafna tal-istess Segretarju Parlamentari. Fil-fatt, meta Joseph Muscat ċeda għall-pressjoni u għamel lil Aaron Farrugia Segretarju Parlamentari, Keith Schembri ra kif għamel u żammu taħt għajnejh Kastilja.
Iżda dan urta bil-kbir lil Alex Muscat li tant hu qrib Schembri, li ppretenda li hu wkoll jingħata dekasteru u ma jibqax biss impjegat Kastilja.
Fil-Partit Laburista spiss jingħad min-nies ta’ madwar Aaron Farrugia, li Kastilja tipprova ġġib fix-xejn kull inizjattiva li jipprova jieħu, jew inkella, saħanistra, iġġib fix-xejn xogħol li jkun se jimbarka fuqu.
Inċidentalment matul din il-ġimgħa li għaddiet, is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia kellu jipparteċipa f’diskussjoni fuq l-istazzjon NET TV, iżda fl-aħħar mument inbidel kollox u minfloku, intbagħat għal darb’oħra, Alex Muscat.
Wieħed minn dawk qrib Aaron Farrugia li nhar il-Erbgħa ntalab jikteb favur id-Deputat tiegħu fuq il-Facebook waqt u wara l-programm Iswed fuq l-Abjad ta’ NET TV li suppost deher fuqu, stqarr li Farrugia ma riedx jemmen lil għajnejh meta minfloku ra lil Alex Muscat. Dlonk ċempel l-istazzjon NET TV, iżda meta ma ħa ebda sodisfazzjon, talab li jkellem lil xi ħadd fil-kamra tal-Aħbarijiet ta’ NET NEWS.
Ir-raġel tant hu maħruq b’dak li għaddej fil-Partit Laburista meta, għal darb’oħra, Aaron Farrugia kien sfiduċjat minn sħabu stess, li żvela fatt importanti li ftit jafu bih.
Meta staqsejna u indagajna dwar ir-raġuni għaliex l-affarijiet bejn Keith Schembri u Aaron Farrugia ma tantx huma tajbin, irriżultalna li meta Aaron Farrugia kien Chairman tal-Korporazzjoni tal-Freeport, kien għamel minn kollox biex ma jċedix għall-pressjoni ta’ Keith Schembri li naturalment, ir-riżultat aħħari kien li spiċċa xellifha miegħu. Skont dak li qalulna, Aaron Farrugia wissa lill-Prim Ministru biex ma jħallix lil Keith Schembri jimblokkalu l-karriera politika tiegħu milli tavvanza.
Is-sorsi fil-Partit Laburista jgħidu li kieku mhux għal Keith Schembri, Aaron Farrugia kien jinħatar ministru, iżda minflok, spiċċa segretarju parlamentari mingħajr saħħa ta’ xejn.
“Hekk jaħdem il-Kasco! Idgħajjef lil dawk li ma jbaxxux rashom għat-talbiet tiegħu,” qaltilna l-istess persuna li fl-aħħar elezzjoni ġenerali ħadmet għal Aaron Farrugia, iżda issa, deċiża li tivvota lill-Partit Nazzjonalista għax tħossha diżgustata b’dak li qed tara b’għajnejha.
L-istess persuna kompliet li: “Il-Partit qed jgħaffeġ u fil-Gvern igawdu biss dawk tal-qalba. Żgur li l-vot tiegħi u tal-familja ma jerġgħux jiħduh!”
U temmet tgħid li: “Aħna, li aħna qrib Aaron Farrugia, nemmnu li sakemm jibqa’ hemm Keith Schembri, allura Aaron Farrugia m’għandux ċans javvanza iżjed fil-politika.”
Sadattant, jidher li Alex Muscat, li hu qrib ħafna ta’ Keith Schembri u meqjus ‘il-widna tal-Kasco’, qed jinsisti li jrid poltafoll hu wkoll biex ikollu ftit saħħa mal-kostitwenti.
Mal-Laburisti, Alex Muscat jiftaħar li hu ilu qrib Keith Schembri minn qabel ma ħareġ kandidat fl-2013. Alex Muscat kien jaħdem fil-qasam tal-proprjetà, impjieg li tħabatlu għalih Keith Schembri.
F’dan ix-xenarju kollu, wieħed jifhem aktar għaliex Aaron Farrugia hu fost dawk li qed jiskjeraw lilhom infushom kontra Miriam Dalli u favur Chris Fearne fit-taqtiha għal-leadership tal-Partit, malli Joseph Muscat jitlaq, kif qiegħed jgħid li se jagħmel, wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Ġunju 2019.
Minn dak li qed jingħad, jidher li mhux se ddum wisq ma tiżbroffa bejn Alex Muscat u Aaron Farrugia, speċjalment jekk jibqa’ għaddej iċ-ċajt minn taħt Kastilja, bil-għan li jirredikola lil Aaron Farrugia.
//= $special ?>