Internazzjonali

Is-Slovakkja: Tikber it-tensjoni, b’Ministru jirrifjuta li jirriżenja

Kompliet tikber it-tensjoni fil-Gvern tal-koalizzjoni Slovakk immexxi mill-Prim Ministru Robert Fico, meta l-Ministru tal-Intern baqa’ jirrifjuta li jirriżenja wara l-qtil brutali, jiem ilu, tal-ġurnalista investigattiv, Jan Kuciak. Kuciak u t-tfajla tiegħu, Martina Kusnirova kienu nstabu mejtin, b’diversi tiri f’rashom, ġewwa l-appartament tagħhom lejn il-Lvant tal-kapitali Bratislava.

Qabel miet, Kuciak kien qed jipprepara artiklu dwar allegati rabtiet politiċi bejn in-negozjanti Taljani bażati fis-Slovakkja u l-grupp mafjuż ‘Ndrangheta ta’ Kalabrija.

Il-qtil tiegħu, intant, kompla jqanqal rabja fost il-pubbliku Slovakk li jinsab urtat għall-allegazzjonijiet dwar il-korruzzjoni istituzzjonalizzata f’pajjiżu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gvern (magħmul minn tliet partiti) ta’  Fico jinsab għaddej minn theżżiża għall-oħra, fost l-appelli għal ‘għajnuna internazzjonali’ fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Jan Kuciak u s-sieħba.

Il-Partit Most-Hid (magħmul fil-parti kbira minn Ungeriżi etniċi) li hu sieħeb żgħir fil-koalizzjoni ta’ Fico, intant, insista għar-riżenja tal-Ministru għall-Intern, Robert Kalinak waqt li ħeġġeġ biex l-investigaturi barranin jissieħbu fl-investigazzjonijiet relatati għall-omiċidju doppju.

Dan meta magħruf li l-FBI tal-Istati Uniti, l-aġenzija Scotland Yard tar-Renju Unit u l-Europol qegħdin jgħinu lill-pulizija Slovakka biex tistħarreġ il-każ.

Kalinak, għalissa, mhux beħsiebu li jirriżenja, waqt li t-tmexxija tal-Most-Hid qed tħejji biex tiltaqa’ f’nofs ix-xahar biex tiddiskuti l-futur tal-koalizzjoni.

Anki l-Oppożizzjoni Slovakka qed tinsisti għar-riżenja ta’ Kalinak li, fil-passat, kien marbut ma’ diversi skandli tal-korruzzjoni.

Il-funeral ta’ Jan Kuciak sar nhar is-Sibt u fl-istess jum sar magħruf li l-Pulizija Slovakka kienet ħelset seba’ Taljani li kienu nżammu bħala suspettati fil-qtil tal-ġurnalista u t-tfajla tiegħu. Il-Prosekuturi tal-Istat naqsu milli jikkummentaw.