Lokali

Stagno Navarra jinstab ħati bil-qorti u xorta ma jħallasx dejnu

Jitkellem Nazzareno Abela li ngidem mijiet ta' ewro, rebaħlu kawża fil-Qorti iżda xorta waħda għadu sa llum ma ngħatax flusu lura

“Jum minnhom ġie għandi l-garaxx. Qalli biex nagħmillu pjaċir għaliex kellu bżonn urġenti Lm500. Qalli serraħ rasek għax qalli li se jagħtini ċekk bl-ammont ta’ flus kontant li kont se nkun nagħtih.

“Jien ma kelli l-ebda dubbju dwaru. Persuna tat-televiżjoni u dejjem kelli impressjoni tajba tiegħu. Jien tajtu l-Lm500 u hu tani ċekk tal-Bank of Valletta ekwivalenti għal dan l-ammont.”

“Meta xi jumejn wara mort il-Bank biex dan iċ-ċekk jissarraf qalbi għamlet tikk… tal-Bank qaluli li ċ-ċekk ma setax jissarraf għaliex flus fil-Bank ma kienx hemm. Sirt naf ukoll li din l-istorja li kienet qed tiġri lili fil-fatt kienet ripetuta ma’ nies oħrajn.”

Din kienet it-testimonjanza li tani Nazzareno Abela miż-Żejtun meta tkellimt miegħu dwar meta hu kien iffrodat minn Karl Stagno Navarra, il-preżentatur tal-istazzjon Laburista ‘One’.

Hu kompla jgħidilna li minkejja li għamel bosta kuntatti ma’ Karl Stagno Navarra, dan tal-aħħar dejjem daħak bih u gidiblu bl-aktar mod sfaċċat sal-punt li l-każ spiċċa l-Qorti. Il-Qorti qatgħet il-każ billi sabet lil Karl Stagno Navarra ħati ta’ din il-biċċa xogħol u ordnatlu biex iħallas lura l-flus li kien jissellef b’qerq.

“Madankollu għadni sa llum ma ħadtx flusi lura. Mela nirbaħlu l-kawża l-Qorti u xorta waħda nibqa’ ma nieħux flusi lura. U minkejja li bosta ġralhom bħali kellha tkun il-mument ta’ bħal-lum ġimgħa li tiżvela kif Karl Stagno Navarra hu mfittex minn ħafna nies għaliex xi darba jew oħra gidimhom flejjes kbar.

Fil-fatt minn aktar stħarriġ li kompla jagħmel il-mument matul din il-ġimgħa komplew jirriżultaw aktar fatti xokkanti… fosthom kif Karl Stagno Navarra kellu diversi mandati ta’ sekwestru b’individwi u kumpaniji jiġru warajh biex jitħallsu dak li hu tagħhom. Fost dawn hemm kumpanniji stabbiliti iżda wkoll persuni li silfuh flejjes fuq l-idejn.

Ħafna baqgħu b’xiber imnieħer

Jirriżulta fil-fatt li l-lista ta’ dawk li għandhom jieħdu mingħand Karl Stagno Navarra u li daħħluh il-Qorti biex b’sekwestru jew b’sentenza tal-Qorti jiġbru flushom hi twila u fiha hemm diversi każijiet mill-eks mara tiegħu għal nuqqas ta’ ħlas ta’ kontijiet li ħalla jinġemgħu.

Kuntratturi u negozjanti rrabjati għax baqa ma ħallasx

Mill-istħarriġ li komplejna nagħmlu issokta jirriżulta wkoll li fil-lista hemm ukoll kuntratturi fil-qasam tal-kostruzzjoni li tawh il-flus u li ngidmu. Hemm ukoll kumpanniji tal-ġojjelli u deheb, sptar privat, żewġ kumpanniji tat-telekomunikazzjoni, kumpannija ewlenija tad-distribuzzjoni, fotografu u individwi privati oħra.

€42,000 f’kirjiet li ma tħalsux

Fost l-iżjed migduma hemm kumpannija li tikri l-proprjetà fejn wara li żgumbratu minn appartament bdiet passi legali biex tiġbor €42,000 f’kirjiet mhux imħallsa.

Ħwejjeġ lussużi li ma tħalsux

Hemm ukoll ħwienet tal-ħwejjeġ li jsostnu li għandhom jieħdu flejjes kbar. Uħud minn dawk li tkellmu magħna qalulna li huma ma ħassewx li għandhom imorru bil-każ tagħhom il-Qorti għaliex mill-informazzjoni li għandhom Karl Stagno Navarra tant għandu jagħti flejjes lil bosta individwi u kumpaniji, li probabbilment jagħmlu ħafna żmien telgħin u neżlin il-Qorti.

Madankollu l-istorja tal-Ħadd li għadda f’il-mument reġgħet wasslithom biex jgħixu mill-ġdid l-ingann li għaddew minnu meta Karl Stagno Navarra gidimhom.

U llum dan jiftaħar li hu minn ta’ ġewwa fil-Partit Laburista fejn fil-verità jinqdew bih għaliex ma hux fdat.

Madankollu waħda mir-reazzjonijiet li rċevejna matul dawn il-jiem kienet kif it-Tmexxija tal-Partit Laburista taċċetta fi ħdanha nies bħal Karl Stagno Navarra li għandu dan id-dell daqstant tqil fuqu.

Kxifna l-pjani tiegħu li jsir MEP

Jirriżulta li l-istess tmexxija tal-istazzjon Laburista ‘One’ din il-ġimgħa bagħtet għal Stagno Navarra biex jagħti spjegazzjoni tad-dejn li għandu. Dan wara li marru jfittxuh xi persuni li għandhom jieħdu u ħasdu lir-receptionist ta’ l-istazzjon fil-Marsa.

Fil-bidu tal-ġimgħa Stagno Navarra  intilef f’isteriżmu kbir u rabja sfrenata kontra n-Nazzjonalisti u l-Kap Adrian Delia.  Fuq kollox ir-reazzjoni ta’ Karl Stagno Navarra fuq l-istazzjon ‘One’ din il-ġimgħa kienet fiha nnifisha konferma għar-reati – għall-bosta reati serji – li hu għamel meta daħak b’bosta nies.

Taħwid fil-Partrit Laburista

Sadattant tkellimna ma’ sorsi tagħna fil-Partit Laburista li wkoll ħassewhom diżgustati bl-informazzjoni li nħarġet fuq Karl Stagno Navarra.

Quddiem dan kollu l-istess sorsi jistennew lit-Tmexxija tal-Partit Laburista tieħu l-passi li għandha tieħu biex ma tkompli tkun assoċjata ma’ persuna ta’ dan it-tip wisq iżjed jekk dan jitħalla joħroġ għal MEP.