Lokali

DROGA FIL-MARSA: Arrestati erba’ persuni f’raid mill-Pulizija

L-irġiel arrestati huma kollha mis-Somalja

Ilbieraħ filgħaxija, Pulizija mir-Rapid Intervention Unit arrestaw erba’ persuni waqt li kienu fl-inħawi tal-Biċċerija, il-Marsa.

Waqt spezzjoni li saret fil-karozza li kienet qegħda tintuża minn dawn l-erbat irġiel ta’ nazzjonalita’ Somala instabu sustanzi suspettati raża tal-kannabis, kif ukoll numru ta’ boroż tal-plastik allegatament bil-pjanta tal-kannabis ġo fihom, lesti sabiex jiġu ttraffikati.

Il-persuni, li l-eta’ tagħhom tvarja bejn it-22 u s-26 sena, qegħdin jiġu investigati mill-Pulizija tad-Distrett flimkien mal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga.

Mhux eskluż li uħud mill-persuni arrestati jitressqu l-Qorti akkużati bil-pussess mhux għall-użu esklussiv tal-imsemmija droga.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.