Internazzjonali Lokali

FILMAT: Jipprotestaw talli l-Gvern ta’ pajjiżhom irid ibiddel isem il-Maċedonja

Membri tal-komunità tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja f’Malta għamlu protesta fi Pjazza Kastilja b’messaġġ lill-Gvern ta’ pajjiżhom.

Huma ngħaqdu ma’ eluf ta’ persuni li lbieraħ niżlu jipprotestaw fit-toroq tal-kapitali ta’ pajjiżhom Skopje talli l-Gvern ta’ pajjiżhom qed jikkunsidra li ma jibqax isejjaħ lill-pajjiż ‘Maċedonja’.

Dan minħabba polemika li hemm mal-Greċja, peress li l-Greċja wkoll għandu parti mit-territorju tiegħu li jissejjaħ ‘Maċedonja’. Minħabba dan, il-Greċja kienet qed tuża s-saħħa diplomatika tagħha biex twaqqaf lill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja milli tapplika għal sħubija fin-NATO u fl-Unjoni Ewropea.

Il-filmat juri grupp imdaqqas ta’ Maċedoni mill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jipprotestaw b’tixjir ta’ bnadar u żfin. F’messaġġ fuq Facebook, din il-komunità qalet li trid tibgħat messaġġ ċar lill-Gvern, li isem pajjiżhom “kien, għadu u jibqa’ Maċedonja”.