Futbol Sport

Fiorentina xorta se jġeddu l-kuntratt ta’ Astori

Minkejja li Davide Astori ħalla din id-dinja nhar il-Ħadd li għadda, t-tim tiegħu, Fiorentina ħabbru li xorta waħda se jġeddu l-kuntratt tiegħu u s-salarju tiegħu se jingħata lil martu.

Davide Astori, li kellu 31 sena, nstab mejjet nhar il-Ħadd li għadda f’kamra tal-lukanda li kienu fiha Fiorentina qabel il-logħba kontra Udinese.

Ironikament, hu kien se jġedded il-kuntratt illum u b’hekk kien se jtemm il-karriera tiegħu mal-Viola. Fiorentina għamlu dan il-ġest nobbli mal-familja tiegħu u ħabbru li minkejja li ma laħaqx iffirma l-kuntratt, huma xorta waħda se jġeddulu l-kuntratt.

Il-funeral ta’ Astori se jsir nhar il-Ħamis li ġej.

Ilbieraħ ukoll il-UEFA ħabbret li qabel kull logħba taċ-Champions League u tal-Europa League li se tintlagħab din il-ġimgħa se tkun osservata minuta ta’ silenzju b’rispett ta’ Astori.

Anke l-FA Ingliża ħabbret li se tfakkar il-memorja ta’ dan il-plejer f’Wembley qabel il-partita ta’ ħbiberija ta’ nhar is-27 ta’ dan ix-xahar kontra l-Italja.